Raġel ta' 76 sena tilef ħajtu wara li waqa' waqt li kien qed iwettaq xogħlijiet ta' manutenzjoni f'residenza fi Triq Ta' Ċenċ, Sannat, Għawdex.
Il-Pulizija ġiet infurmata bl-inċident għall-ħabta tas-7:45am tal-Ġimgħa.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel kien fuq sellum, madwar tliet sulari 'l fuq mill-art, meta għal xi raġuni tilef il-bilanċ u waqa' fil-ġnien intern tal-binja.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku, iżda r-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Jean Paul Grech, li ħatar inkjesta maġisterjali, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar iċ-ċirkostanzi tal-inċident għadhom għaddejjin.