Jibda l-ġuri tas-seklu

Beda l-ġuri ta’ Yorgen Fenech fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u hemm stennija kbira għall-eżitu mill-familjari, mill-pubbliku u anke mill-klassi politika 

 

Kważi disa’ snin wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-ġuri ta’ Yorgen Fenech daħal fl-aktar fażi kruċjali tiegħu hekk kif il-prosekuzzjoni bdiet tressaq l-evidenza ewlenija li fuqha tibni l-każ tagħha. Fenech qed jiġi akkużat li kien il-moħħ wara l-assassinju u li kkummissjona u ffinanzja l-qtil permezz ta’ Melvin Theuma.  

Fit-tieni jum, il-prosekuzzjoni spjegat lill-ġurati li se tipprova turi li mingħajr l-allegat involviment ta’ Fenech, il-qtil ma kienx iseħħ. Tħabbar ukoll li l-ġurati se jisimgħu għadd ta’ recordings sigrieti magħmula minn Melvin Theuma, li aktar tard ingħata maħfra presidenzjali u sar ix-xhud ewlieni tal-Istat.  

Ix-xhieda tal-Eks Kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji Keith Arnaud, li ta rendikont dettaljat tal-investigazzjoni. Huwa spjega kif il-Pulizija identifikat il-burner phones u rkuprat evidenza forensika bl-għajnuna tal-FBI, kif ukoll kif l-investigazzjoni kienet waslet f’impass qabel il-koperazzjoni ta’ Melvin Theuma.  

Fir-raba’ jum, Arnaud xehed li Theuma kien kiteb ittra għax beża’ li seta’ jiġi eliminat, filwaqt li spjega li kien beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet tiegħu ma’ Fenech bħala “assigurazzjoni” biex jipproteġi lilu nnifsu. Il-Qorti semgħet ukoll li, skont il-kalkoli tal-investigaturi, madwar €450,000 allegatament għaddew mingħand Fenech għand Theuma biex jitħallsu lill-aħwa Degiorgio. 

Ix-xhieda ffukat ukoll fuq l-analiżi tad-data estratta mill-mowbajl ta’ Fenech, li skont Arnaud wasslet għall-arrest ta’ Keith Schembri. Arnaud qal ukoll li l-investigaturi waslu għall-konklużjoni li Fenech kien qed jipprepara biex jitlaq minn Malta, wara li sabu messaġġi dwar rotot possibbli ta’ ħarba, istruzzjonijiet lill-kaptan tal-jott u twissijiet biex ma jużax credit cards. 

Fost l-aħħar punti ppreżentati kien hemm ukoll il-fatt li fil-mowbajl ta’ Fenech instabet kopja tal-abbozz tal-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma. Skont Arnaud, Fenech sostna li kien irċieva dan id-dokument mingħand Keith Schembri, allegazzjoni li Schembri dejjem ċaħad. 

 

 

More in Qrati u Pulizija