Il-ġuri ta’ Yorgen Fenech – jum b’jum
L-ewwel erbat ijiem tal-ġuri ta' Yorgen Fenech ġabu quddiem il-ġurati recordings sigrieti, evidenza forensika u x-xhieda dettaljata ta' Keith Arnaud, li spjega kif l-investigazzjoni wasslet għall-arresti u l-akkużi fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia
minn Jaelle Borg
Kważi disa’ snin wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia permezz ta’ karozza-bomba fil-Bidnija fis-16 ta’ Ottubru 2017, beda l-ġuri ta’ Yorgen Fenech, li qed jiġi akkużat li kien il-moħħ wara l-assassinju.
Fenech qed jaffaċċja żewġ akkużi ewlenin. L-ewwel waħda hija dik ta’ kompliċità fl-omiċidju volontarju ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn il-prosekuzzjoni tallega li kien hu li ordna u ffinanzja l-qtil permezz ta’ Melvin Theuma, li allegatament qabbad lill-aħwa George u Alfred Degiorgio flimkien ma’ Vincent Muscat biex iwettqu d-delitt. It-tieni akkuża hija dik ta’ assoċjazzjoni kriminali bil-għan li jitwettaq l-omiċidju.
Il-ġuri għandu jiddeċiedi jekk il-prosekuzzjoni rnexxilhiex tipprova, lil hinn minn dubju raġonevoli, li Fenech kien kompliċi fil-qtil u li aġixxa bl-intenzjoni meħtieġa mil-liġi. Tul il-proċeduri mistennija jinstemgħu għexieren ta’ xhieda, recordings sigrieti, evidenza forensika u dokumentazzjoni miġbura matul investigazzjoni li damet snin.
L-1 jum – Il-ġurati jingħataw l-ewwel struzzjonijiet
L-ewwel jum tal-ġuri beda bil-qari tal-Att ta’ Akkuża quddiem il-ġurati, fejn ġew spjegati formalment l-akkużi li qed jaffaċċja Yorgen Fenech.
Minnufih wara, l-Imħallef Edwina Grima indirizzat lill-ġurati għall-ewwel darba, u spjegatilhom fid-dettall x’inhu l-irwol tagħhom tul il-ġuri.
Hija enfasizzat li huma “l-imħallfin tal-fatti” filwaqt li l-Qorti tiddeċiedi l-punti ta’ liġi. Għalhekk il-ġurati għandhom jaslu għall-verdett tagħhom biss fuq il-bażi tax-xhieda u l-provi li jitressqu quddiemhom waqt il-ġuri.
L-Imħallef wissiethom biex iwarrbu kull informazzjoni li setgħu kisbu dwar il-każ matul is-snin permezz tal-midja jew diskussjonijiet pubbliċi.
“Xejn minn barra din il-Qorti mhuwa prova."
Hija spjegat ukoll li l-ġurati ma jistgħu jiddiskutu l-każ ma’ ħadd, lanqas mal-familjari tagħhom, u li kull diskussjoni tista’ ssir biss waqt id-deliberazzjonijiet.
Matul l-indirizz tagħha ġew spjegati wkoll l-irwol tal-ġurati supplenti, ir-regoli dwar apparat elettroniku, u l-fatt li matul il-ġuri l-ġurati għandhom jibqgħu iżolati minn kull informazzjoni esterna.
L-Imħallef tat ukoll spjegazzjoni dwar kif se jimxu l-proċeduri, mir-rekwiżitorja tal-prosekuzzjoni, għax-xhieda, il-każ tad-difiża, is-sottomissjonijiet finali u, fl-aħħar nett, id-deliberazzjonijiet tal-ġurati.
Wara dawn l-istruzzjonijiet beda formalment il-każ tal-prosekuzzjoni.
It-2 jum – Il-prosekuzzjoni tispjega l-każ tagħha
Fit-tieni jum, il-prosekuzzjoni fetħet il-każ tagħha permezz tar-rekwiżitorja tal-Avukat tal-Avukat Ġenerali Anthony Vella.
Huwa qal lill-ġurati li waħda mill-aktar mistoqsijiet importanti li se jkollhom iwieġbu hija jekk Yorgen Fenech allegatament aġixxiex bl-intenzjoni meħtieġa mil-liġi meta ġie ordnat il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Vella spjega l-kunċetti ta’ mens rea u actus reus, jiġifieri l-intenzjoni kriminali u l-att li jwassal għat-twettiq tar-reat. Huwa għamel distinzjoni bejn omiċidju volontarju u involontarju, u sostna li meta persuna tqabbad lil oħra biex twettaq qtil, l-element tal-intenzjoni jibqa’ jeżisti.
Il-prosekutur ħabbar li matul il-ġuri l-ġurati se jisimgħu sigħat ta’ recordings magħmula minn Melvin Theuma, li aktar tard ingħata maħfra presidenzjali u sar ix-xhud ewlieni tal-Istat.
Skont il-prosekuzzjoni, dawn ir-recordings kienu nżammu moħbija ġewwa “kaxxa tal-ġelat” u jinkludu diversi konverżazzjonijiet ma’ Yorgen Fenech.
Vella qal li fost il-konverżazzjonijiet hemm waħda fejn Fenech allegatament jgħid dwar Daphne Caruana Galizia:
“Persuna bħalha narmiha għal isfel minn hawn.”
F’recording ieħor, skont il-prosekuzzjoni, isir riferiment għall-middleman, b’Theuma jgħid:
“Jien il-middleman. Jien qatt ma semmejt ismek magħhom jew mal-Pulizija.”
Il-ġurati mistennija jisimgħu wkoll konverżazzjonijiet li fihom jiġu diskussi l-allegati ħlasijiet ta’ €150,000 u €5,000 addizzjonali lill-aħwa Degiorgio.
Il-prosekutur sostna li, minkejja li Fenech ma kienx preżenti fil-Bidnija meta splodiet il-karozza-bomba, il-prosekuzzjoni se tipprova li kien hu li beda l-pjan, ikkoordina l-andament tiegħu u pprovda l-finanzjament.
“Għalhekk, mingħajr ir-rwol ta’ Yorgen Fenech, Daphne Caruana Galizia ma kinitx tinqatel,” sostna Vella.
Qabel temm ir-rekwiżitorja tiegħu, il-prosekutur ta lill-ġurati dik li sejjaħ ċekkjatura (checklist), jiġifieri l-punti li għandhom jivvalutaw meta jasal iż-żmien tad-deliberazzjonijiet.
Huwa spjega wkoll li Theuma beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet għax beda jibża’ li seta’ jispiċċa arrestat jew saħansitra jinqatel wara l-arrest tal-aħwa Degiorgio.
It-3 jum – Keith Arnaud jagħti kronoloġija estensiva tal-investigazzjoni
It-tielet jum tal-ġuri kien iddominat mix-xhieda twila tal-Eks Kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji Keith Arnaud.
Fil-bidu tax-xhieda tiegħu, Arnaud qal lill-ġurati li sal-2018 l-investigazzjoni kienet waslet f’impass. Minkejja l-arrest tal-allegati eżekuturi u x-xogħol intensiv tal-investigaturi, ma kienx hemm aktar żviluppi sostanzjali.
Huwa spjega kif l-ewwel prijorità tal-Pulizija wara l-isplużjoni kienet il-preservazzjoni tax-xena tad-delitt fil-Bidnija u l-ġbir tal-evidenza.
Bl-għajnuna tal-FBI, l-investigaturi analizzaw data tat-telekomunikazzjoni li wasslet għall-identifikazzjoni ta’ burner phones li kienu qed jikkomunikaw biss bejniethom. Eventwalment dawn ġew attribwiti lil George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vince Muscat.
Arnaud irrakkonta wkoll kif l-investigazzjoni wasslet għall-identifikazzjoni tad-dgħajsa Maya, kif ġew irkuprati mobile phones, SIM cards u evidenza oħra mill-baħar, u kif ġiet identifikata aktar evidenza forensika, fosthom DNA ta’ Alfred Degiorgio fuq loqma tas-sigarett.
Wieħed mill-aktar mumenti importanti tax-xhieda kien meta spjega kif Vince Muscat talab, permezz tal-avukat tiegħu Arthur Azzopardi, biex jitkellem mal-Pulizija.
Skont Arnaud, l-informazzjoni mogħtija minn Muscat kienet tikkorrispondi ma’ diversi elementi li l-investigaturi kienu diġà stabbilew permezz ta’ evidenza oħra, u tathom stampa aktar ċara tal-allegat pjan tal-qtil.
Ix-xhud semma wkoll diversi laqgħat li saru f’Kastilja fejn uffiċjali tal-Istat ġew infurmati bl-andament tal-investigazzjoni u fejn ġiet diskussa wkoll il-possibbiltà ta’ maħfra presidenzjali, għalkemm f’dak l-istadju l-investigaturi kienu jqisuha prematura.
Aktar tard, il-Pulizija bdiet tiffoka fuq Melvin Theuma permezz ta’ investigazzjoni finanzjarja marbuta ma’ allegat ħasil ta’ flus u logħob tal-azzard illegali.
Wara l-arrest tiegħu f’Novembru tal-2019, Theuma beda jikkollabora mal-investigaturi.
Arnaud spjega kif, fil-preżenza tal-maġistrat inkwirenti, infetħet il-famuża “kaxxa tal-ġelat”, li kienet tinkludi aktar minn mitt recording, dokumenti u rċevuti relatati mal-allegati ħlasijiet lill-aħwa Degiorgio.
Skont ix-xhud, Theuma spjega wkoll għaliex beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet tiegħu ma’ Yorgen Fenech — għax kien jibża’ li jispiċċa waħdu jġorr ir-responsabbiltà.
Arnaud qal li Theuma rrakkonta lill-investigaturi kif, skont il-verżjoni tiegħu, kien ġie mitlub isib persuni biex iwettqu l-qtil, kif ġie miftiehem il-ħlas ta’ €150,000, kif il-pjan waqaf temporanjament waqt il-kampanja elettorali tal-2017 u kif, wara l-elezzjoni, allegatament irċieva l-flus biex il-pjan jitkompla.
Ix-xhieda ta’ Keith Arnaud ma ntemmitx matul din is-seduta u hija mistennija tkompli fil-jiem ta’ wara tal-ġuri.
Ir-4 jum- Keith Arnaud ikompli jixhed
L-ittra ta' Melvin Theuma, il-mobile ta' Yorgen Fenech u l-arrest ta' Keith Schembri
Ir-raba' jum tal-ġuri kompla jkun iddominat mix-xhieda tal-eks kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji, Keith Arnaud, li kompla jagħti lill-ġurati rendikont kronoloġiku tal-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Wara li fit-tielet jum kien iffoka fuq l-iżviluppi li wasslu għall-kooperazzjoni ta' Melvin Theuma, Arnaud kompla jispjega kif l-investigazzjoni ħadet żvolta wara l-arrest ta' Theuma u kif il-Pulizija bdiet tanalizza r-recordings, id-dokumenti u d-data estratta mill-mobile ta' Yorgen Fenech.
Wieħed mill-ewwel punti li semma kien l-ittra li Melvin Theuma kien kiteb u li nstabet fl-uffiċċju ta' Yorgen Fenech. Skont Arnaud, meta l-investigaturi kkonfrontaw lil Theuma b'din l-ittra, huwa spjega li kien kitibha għax kien jibża' li seta' jiġi "eliminat" u ried jiżgura li, jekk jiġrilu xi ħaġa, il-verità ma tintilifx.
L-ittra, li nqrat fil-Qorti, kienet tiddeskrivi lil Theuma bħala l-middleman fil-każ u kienet tgħid li kien qed jgħaddi provi sabiex jiġi identifikat min allegatament ikkummissjona u ffinanzja l-qtil. Arnaud qal li, għalkemm fl-ittra jissemma wkoll Keith Schembri, Theuma insista li dawn ir-referenzi kienu marbuta mal-allegat impjieg fil-Gvern u mhux mal-ippjanar tal-assassinju.
Ir-recordings bħala "assigurazzjoni"
Arnaud kompla jgħid li Theuma spjega lill-investigaturi li kien għażel li jiġbor parti mir-recordings fuq USB bħala forma ta' protezzjoni personali.
Skont ix-xhud, Theuma qal li ried iżomm evidenza f'każ li xi ħadd jipprova jagħmillu ħsara jew jeliminah. Arnaud żied li Theuma baqa' konsistenti fil-verżjoni tiegħu li persuna waħda kienet wara l-qtil – Yorgen Fenech.
Il-Qorti semgħet ukoll li, skont il-kalkoli tal-investigaturi, madwar €450,000 allegatament għaddew mingħand Fenech għand Theuma biex jitħallsu lill-aħwa Degiorgio wara l-arrest tagħhom.
L-investigazzjoni tiffoka fuq Keith Schembri
Ix-xhud irrakkonta kif, wara dawn l-iżviluppi, l-investigazzjoni bdiet tiffoka wkoll fuq Keith Schembri u t-tabib Adrian Vella.
Arnaud qal li żewġ dokumenti li waslu għand il-Pulizija wasslu għad-deċiżjoni li jiġi arrestat Dr Adrian Vella. Skont il-verżjoni mogħtija lill-investigaturi, Vella qal li kien ġabar dokumenti mingħand Keith Schembri fuq talba ta' Yorgen Fenech u wassalhomlu f'Portomaso, iżda sostna li qatt ma fetaħ jew qara l-kontenut tagħhom.
Fl-istess waqt, il-Pulizija kompliet teżamina fid-dettall id-data estratta mill-mobile ta' Fenech biex tivverifika allegati kuntatti bejnu u Schembri.
Id-data estratta mill-mobile
Arnaud qal li, minkejja diffikultajiet tekniċi fil-bidu, l-investigaturi rnexxielhom jirkupraw ammont sostanzjali ta' data mill-mobile ta' Yorgen Fenech.
Spjega li wara li għaddew minn eluf ta' ritratti u fajls sabu immaġni li kienet tikkorrispondi ma' konverżazzjoni li kienu qed ifittxu. Skont Arnaud, dan kien wieħed mill-elementi li wassal għad-deċiżjoni li jiġi arrestat Keith Schembri.
Huwa rrakkonta wkoll kif hu u l-investigatur Kurt Zahra marru Mellieħa kmieni filgħodu biex iwettqu l-arrest.
L-interrogazzjoni ta' Keith Schembri
Arnaud qal li waqt l-interrogazzjoni tiegħu Keith Schembri ammetta li kien baqa' jikkomunika ma' Yorgen Fenech wara li sar jaf li dan kien qed jikkunsidra li jitlaq minn Malta.
Skont ix-xhud, Schembri qal li l-għan tiegħu kien li jikkonvinċi lil Fenech biex ma jaħrabx, għax kieku telaq mill-pajjiż kienet tkun sitwazzjoni serja għall-investigazzjoni.
Il-Pulizija kkonfrontatu wkoll b'messaġġi rkuprati mill-mobile ta' Fenech li kienu jirreferu għall-investigazzjoni, għas-sitwazzjoni ta' Melvin Theuma u għall-possibbiltà tal-arrest ta' Fenech.
Il-Pulizija temmen li Fenech kien qed jipprepara biex jitlaq
Minkejja li Yorgen Fenech dejjem ċaħad li kien qed jipprova jaħrab minn Malta, Arnaud qal li l-investigaturi waslu għal konklużjoni differenti wara li analizzaw il-kontenut tal-mobile tiegħu.
Skont ix-xhud, il-konverżazzjonijiet kienu juru diskussjonijiet dwar rotot possibbli biex jitlaq mill-pajjiż, fosthom titjira lejn Franza jew vjaġġ bil-jott lejn l-Italja.
L-investigaturi sabu wkoll istruzzjonijiet mogħtija lill-kaptan tad-dgħajsa u messaġġi li fihom Fenech kien avżat biex ma jużax credit cards. Arnaud qal li dawn l-elementi, meħuda flimkien, wasslu lill-Pulizija biex temmen li kien qed jipprepara biex jitlaq minn Malta.
Allegat pjan kontra Melvin Theuma
Matul ix-xhieda tiegħu, Arnaud semma wkoll informazzjoni li kienet qed tiġi investigata dwar allegat pjan biex Melvin Theuma jiġi eliminat.
Huwa qal li Kenneth Camilleri ċaħad din l-allegazzjoni u sostna li kien biss qed jipprova jikkalma lil Theuma, filwaqt li Keith Schembri wkoll ċaħad li qatt kien jeżisti xi pjan bħal dan.
Abbozz tal-maħfra fil-mobile ta' Fenech
Fost l-aħħar punti li ġew ippreżentati lill-ġurati kien hemm ukoll il-fatt li fil-mobile ta' Yorgen Fenech instabet kopja tal-abbozz tal-ftehim relatat mal-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma.
Skont Arnaud, Fenech sostna li kien irċieva dak id-dokument mingħand Keith Schembri, allegazzjoni li Schembri de
