"Semmi isimhom fir-recordings": Il-parir li l-Ġojja ta lil Theuma
Ir-raba' jum tax-xhieda ta' Keith Arnaud iffoka fuq il-provi diġitali, il-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma u l-passi li wasslu lill-Pulizija sal-arresti ta' Keith Schembri u Dr Adrian Vella
minn Jaelle Borg
"Semmi isimhom fir-recordings."
Dan kien wieħed mid-dettalji li spikka fir-raba' jum tax-xhieda tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud fil-ġuri ta' Yorgen Fenech. Skont ix-xhud, Edgar Brincat, magħruf bħala il-Ġojja, kien ta dan il-parir lil Melvin Theuma biex, jekk xi darba dawk ir-recordings jispiċċaw għand il-Pulizija, ikun possibbli li jiġu identifikati mingħajr dubju l-persuni li kienu qed jitkellmu.
Arnaud qal li, wara li l-investigazzjoni kienet waslet f'impass, dawk ir-recordings spiċċaw saru fost l-aktar provi importanti li kellhom l-investigaturi biex ikomplu javvanzaw il-każ.
Il-Ġojja baqa' sieket quddiem il-Pulizija
Il-prosekuzzjoni bdiet ukoll tgħaddi mix-xhieda relatata ma' Edgar Brincat.
Arnaud spjega li Brincat kien ġie arrestat f'Novembru 2019 minħabba r-rabta tiegħu ma' Melvin Theuma u bħala parti minn investigazzjoni dwar allegat ħasil ta' flus u logħob tal-azzard illegali.
Minkejja li l-investigaturi emmnu li seta' kellu tagħrif importanti dwar Theuma u l-każ tal-qtil, Brincat għażel li ma jwieġeb l-ebda mistoqsija waqt l-interrogazzjoni tiegħu.
Il-Qorti semgħet ukoll li, meta Theuma beda jikkunsidra li jersaq għand il-Pulizija, Brincat allegatament ipprova jżommu lura minn dik id-deċiżjoni għax kien jemmen li kien se jispiċċa jġorr ir-responsabbiltà waħdu. Johann Cremona, skont Arnaud, kien tah parir simili.
L-ittra li Theuma kiteb "jekk jiġi eliminat"
Matul il-ġurnata, Arnaud qara wkoll il-kontenut tal-ittra li, skont il-Pulizija, instabet fl-uffiċċju ta' Yorgen Fenech.
Fl-ittra, Theuma ddikjara li kien il-middleman fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u spjega li kien qed jgħaddi provi għax beża' li seta' jiġi eliminat.
Meta ġie mistoqsi dwar ir-referenzi għal Keith Schembri fl-istess ittra, Theuma sostna li dawn kienu relatati mal-allegat impjieg fil-Gvern li kien irċieva u mhux mal-ippjanar tal-qtil.
Skont Arnaud, Theuma qal ukoll li kien ġabar recordings u dokumenti bħala forma ta' protezzjoni, biex il-verità toħroġ jekk jiġrilu xi ħaġa.
Il-mobile ta' Fenech fil-qalba tal-investigazzjoni
Parti sostanzjali mix-xhieda kienet iddedikata għall-analiżi tad-data estratta mill-mobile ta' Yorgen Fenech.
Arnaud spjega kif l-investigaturi eżaminaw eluf ta' fajls u immaġnijiet sakemm sabu elementi li, skonthom, wasslu għall-arrest ta' Keith Schembri.
Il-Qorti semgħet ukoll li Schembri ammetta li baqa' jikkomunika ma' Fenech wara li sar jaf li dan kien qed jikkunsidra li jitlaq minn Malta. Skont il-verżjoni tiegħu, l-għan kien li jikkonvinċih biex ma jaħrabx.
Arnaud qal ukoll li l-investigaturi sabu messaġġi li, fil-fehma tagħhom, juru li Fenech kien qed jesplora diversi modi kif seta' jitlaq mill-pajjiż qabel l-arrest tiegħu.
L-arrest ta' Dr Adrian Vella
Ix-xhud spjega wkoll kif żewġ dokumenti li waslu għand il-Pulizija wasslu biex ittieħdet id-deċiżjoni li jiġi arrestat Dr Adrian Vella.
Skont l-istqarrija tiegħu, Vella qal li kien ġabar dokumenti mingħand Keith Schembri fuq talba ta' Fenech u wassalhomlu, iżda sostna li qatt ma fetaħhom jew qara x'kien fihom.
Il-linja ta' Chris Cardona ma ġabet l-ebda prova
Il-ġurija semgħet ukoll kif il-Pulizija investigat allegazzjonijiet li kienu jorbtu lill-eks ministru Chris Cardona mal-każ.
Arnaud qal li saru diversi verifiki, fosthom tfittxija għal filmati tas-CCTV u investigazzjonijiet dwar allegata laqgħa ma' Alfred Degiorgio.
Madankollu, qal li l-investigaturi ma sabu l-ebda evidenza li tikkonferma dawn l-allegazzjonijiet.
Il-kontenitur tal-ġelat u l-messaġġi fuq Signal
Arnaud fetaħ ukoll quddiem il-ġurija l-kontenitur tal-ġelat li Melvin Theuma kien qed iżomm meta ġie arrestat.
Minnu ħareġ diversi USB drives u oġġetti oħra elevati bħala evidenza.
Il-Qorti rat ukoll estratti ta' konverżazzjonijiet fuq Signal bejn Theuma u Fenech. Fosthom kien hemm messaġġi li fihom Theuma talab lil Fenech jiżgura li ma jibqa' xejn li seta' jintuża bħala evidenza mill-investigaturi, filwaqt li f'oħrajn talab l-għajnuna tiegħu hekk kif il-pressjoni tal-investigazzjoni kompliet tikber.
Il-maħfra presidenzjali
Fl-aħħar parti tax-xhieda, il-ġurija rat ukoll il-kundizzjonijiet tal-maħfra presidenzjali mogħtija lil Theuma.
Arnaud spjega li l-ftehim kien jobbliga lil Theuma jiżvela dak kollu li kien jaf dwar il-qtil, jidentifika lill-persuni involuti, jispjega l-flus li għaddew bejn il-partijiet u jagħti kull informazzjoni li setgħet tgħin lill-investigaturi jidentifikaw lil kull min kellu sehem fil-każ.
Il-maħfra kienet testendi wkoll għal allegati reati oħra mwettqa minn Theuma qabel il-qtil, fosthom każijiet relatati ma' ħasil ta' flus, logħob tal-azzard illegali u informazzjoni li kien offra lill-Pulizija dwar investigazzjonijiet oħra.
Ix-xhieda ta' Keith Arnaud mistennija tkompli nhar it-Tnejn quddiem l-Imħallef Edwina Grima.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-AG Godwin Cini, Anthony Vella, u Danika Vella, bl-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Id-difiża hija mmexxija mill-avukat Charles Mercieca flimkien ma’ Gianluca Caruana Curran. Għall-familja Caruana Galizia qed jidhru l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi. L-Imħallef Edwina Grima qed tippresjedi l-ġurija.

B'dan intemmet is-seduta tal-lum quddiem l-Imħallef Edwina Grima, wara jum ieħor ta' xhieda estensiva mill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud.
Matul il-ġurnata, il-Qorti semgħet aktar dettalji dwar l-investigazzjoni, ir-recordings ta' Melvin Theuma, il-kontenut tal-maħfra presidenzjali u diversi dokumenti u komunikazzjonijiet li ġew eżaminati mill-investigaturi.
Ix-xhieda ta' Arnaud mistennija tkompli nhar it-Tnejn, meta l-prosekuzzjoni se tkompli tressaq il-provi tagħha quddiem il-ġurija.
Grazzi talli segwejtu il-live blog tagħna. Nerġgħu nkunu magħkom nhar it-Tnejn b'aġġornamenti kontinwi mill-awla hekk kif ikomplu l-proċeduri.
Il-Qorti rat ukoll il-maħfra presidenzjali li ngħatat lil Melvin Theuma fil-25 ta' Novembru 2019, hekk kif id-dokument intwera fuq l-iskrins tal-awla.
Keith Arnaud spjega li l-kundizzjonijiet tal-maħfra kienu jirriflettu dawk li qabel kienu ġew abbozzati mill-investigaturi. Skont hu, Theuma kien obbligat jagħti rendikont sħiħ ta' dak kollu li kien jaf mill-esperjenza diretta tiegħu, jidentifika min kien wara l-qtil, jispjega kif tqassmu l-flus relatati mal-każ u minn fejn oriġinaw, kif ukoll jiżvela kull ħlas li allegatament sar lil persuni involuti fil-kawża.
Arnaud qal li dawn il-kundizzjonijiet tfasslu biex l-investigazzjoni ma tħalli l-ebda aspett mhux eżaminat u biex jiġu identifikati dawk kollha li seta' kellhom xi rwol fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Ix-xhud żied li l-maħfra ma kinitx limitata biss għal dan il-każ. Hija kienet testendi wkoll għal allegati reati oħra mwettqa minn Theuma qabel il-qtil, fosthom każijiet marbuta ma' logħob tal-azzard illegali u ħasil ta' flus.
Arnaud qal ukoll li l-ftehim kien jinkludi informazzjoni li Theuma kien offra lill-Pulizija dwar investigazzjonijiet oħra, fosthom is-serqa mill-HSBC fl-2010 u l-każ relatat mal-Casino di Venezia.
Keith Arnaud kompla jgħaddi mill-materjal awdjo rkuprat matul l-investigazzjoni u rrefera għal recording ta' konverżazzjoni bejn Melvin Theuma u Johann Cremona.
Skont ix-xhud, it-taħdita kienet iddur fuq ir-rejd tal-Pulizija u kienet tinkludi wkoll referenzi għall-eks Supretendent tal-Pulizija Ray Aquilina.
Arnaud qal li, mill-kontenut tal-konverżazzjoni, it-tnejn kienu jitkellmu bħallikieku kienu jafuh personalment u ddiskutew il-possibbiltà li, jekk Aquilina kien involut fl-investigazzjoni, setgħu "jgħadduha lixxa".
Skont ix-xhud, din kienet waħda mill-konverżazzjonijiet li l-investigaturi analizzaw bħala parti mill-evidenza miġbura fil-każ.
Il-Qorti rat aktar bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech, mibgħuta ftit jiem biss qabel l-arrest ta' Theuma f'Novembru 2019.
Fost il-konverżazzjonijiet li nqraw, Theuma kiteb lil Fenech li kien "qalbu maqtugħ", filwaqt li l-għada, wara telefonata bejniethom, Fenech wieġbu b'messaġġ fejn qallu li ma setax jinsa dak li kien qed jiġri.
Fix-xhieda tiegħu, Keith Arnaud spjega li l-messaġġi juru wkoll lil Theuma jinsisti ma' Fenech biex jiżgura li ma jibqa' xejn li seta' jintuża bħala evidenza, inkluż mobiles jew materjal ieħor li seta' jaqa' f'idejn l-investigaturi.
Skont Arnaud, Theuma talab ukoll lil Fenech jagħmel dak kollu possibbli biex joħorġu mis-sitwazzjoni u saħansitra staqsieh jekk setax ikellem lill-Kummissarju tal-Pulizija ta' dak iż-żmien, Lawrence Cutajar.
Ix-xhud qal li matul dak il-perjodu Theuma kien isemmi wkoll ta' spiss lil Keith Schembri. Fost ir-recordings kien hemm ukoll riferimenti għal tentattiv biex jiġi esplorat jekk kienx hemm xi possibbiltà li jiġu influwenzati l-proċeduri relatati mat-talbiet għall-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio.
Arnaud żied li dawn it-talbiet ma wasslu mkien u nnota wkoll li mhux ir-recordings kollha kienu kontinwi, iżda xi wħud kienu jinqatgħu u jerġgħu jibdew.
Il-prosekuzzjoni tressaq quddiem il-Qorti estratt tal-konverżazzjonijiet fuq Signal li l-investigaturi rkupraw mill-mobile Samsung ta' Melvin Theuma.
Id-dokument, ippreżentat f'forma ta' tabella, jiġbor il-messaġġi skambjati bejn Theuma u Yorgen Fenech.
Waqt li Keith Arnaud kien qed jgħaddi mill-konverżazzjonijiet, inqara skambju fejn Fenech kiteb lil Theuma: "Serraħ rasek, se jirnexxilna."
Theuma wieġeb billi rrefera għas-sieħba u t-tfal tiegħu, u wissa li jekk dawn jiġu involuti, il-konsegwenzi kienu se jkunu serji.
Keith Arnaud jiftaħ il-kontenitur tal-ġelat li Melvin Theuma kien qed iżomm miegħu meta ġie arrestat.
Ix-xhud ħareġ il-kontenut, li kien ippreservat f'boroż tal-evidenza, u wrieh lill-ġurija.
Fost l-oġġetti esebiti kien hemm diversi USB drives, li diġà kienu ssemmew diversi drabi matul il-proċeduri bħala parti mill-evidenza miġbura mill-investigaturi.
Il-Qorti tintwera dokumentazzjoni oħra mill-inkjesta, fostha kopja ta' blog li Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat fi Frar tal-2017 dwar 17 Black.
Fix-xhieda tiegħu, Keith Arnaud jispjega li dik il-kitba kisbet importanza għall-investigazzjoni minħabba referenza għal Yorgen Fenech f'kumment li kien deher taħtha.
Arnaud jgħid li l-investigaturi kienu ppreservaw kopja sħiħa tal-blog ta' Caruana Galizia u analizzaw il-pubblikazzjoni flimkien mal-verżjoni mogħtija minn Melvin Theuma, li skontha Fenech kien jemmen li l-ġurnalista kienet kisbet tagħrif sensittiv dwaru.
Ix-xhud iżid li dawn iċ-ċirkostanzi tqajmu wkoll waqt l-interrogazzjoni ta' Fenech mill-investigaturi.
Keith Arnaud ikompli jispjega partijiet mill-istqarrija li Yorgen Fenech ta lill-investigaturi, din id-darba dwar il-vjaġġ lejn Għawdex li sar ftit jiem qabel l-arrest tiegħu.
Skont il-verżjoni ta' Fenech, Dr Adrian Vella kien akkumpanjah matul dak il-vjaġġ wara talba li allegatament saret minn Keith Schembri.
Arnaud jgħid li Fenech sostna wkoll li, waqt li kienu qed jivvjaġġaw, Keith Schembri ċempel lil Vella, tkellem miegħu għal ftit u mbagħad kellu wkoll konversazzjoni ma' Fenech. Skont l-istqarrija, meta ntemmet it-telefonata, Schembri deher emozzjonat u qallu li kien se jimmissjah.
Ix-xhud jispjega li l-investigaturi ppruvaw jivverifikaw din il-verżjoni billi qabbluha mar-rapporti fil-midja li bdew joħorġu dak il-weekend u bid-data tat-telefonati bejn Schembri u Vella.
Mill-analiżi tat-telekomunikazzjoni, qal Arnaud, ma ħareġ l-ebda element li jindika li Keith Schembri u Dr Adrian Vella kienu ltaqgħu wiċċ imb wiċċ matul dak il-perjodu.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li waħda mir-recordings bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma kienet iddur fuq Chris Cardona.
Skont ix-xhud, fit-taħdita kien isir riferiment għall-fatt li l-Pulizija allegatament kienet qed tinvestiga lil Cardona, filwaqt li ssemma wkoll mobile rkuprat mill-baħar li allegatament intuża biex jikkomunikaw Alfred Degiorgio u Cardona.
Arnaud jgħid li, meta aktar tard ġie interrogat, Theuma kkonferma li kien għamel dawk il-kummenti.
Skont il-verżjoni tiegħu, dak iż-żmien kien ħass ċertu serħan il-moħħ għax kien jemmen li l-investigazzjoni kienet qed tiffoka fuq Chris Cardona aktar milli fuqu.
Dan hu aktar fluwidu u ma jirrepetix "Arnaud jgħid lill-Qorti" f'kull sentenza.
Fix-xhieda tiegħu, Keith Arnaud jgħid li Fenech allega li Keith Schembri kien qallu li ried "jeħles" minn Daphne Caruana Galizia.
Skont l-istess stqarrija, Fenech qal li ftit jiem wara, wara li rritorna minn barra minn Malta, iltaqa' ma' Melvin Theuma fir-razzett ta' Ħaż-Żebbuġ. Hemmhekk, Theuma allegatament qallu li kien hemm pjan biex tinqatel Caruana Galizia, iżda mingħajr ma żvela min kien ħareġ b'dik l-idea.
Arnaud jgħid li, skont il-verżjoni ta' Fenech, huwa wieġeb li kien se jerġa' jiddiskuti s-suġġett aktar tard.
Ix-xhud jinnota wkoll li fl-istqarrija ta' Fenech jerġa' jissemma l-ammont ta' €150,000, ċifra li dehret ukoll f'elementi oħra tal-investigazzjoni.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li, waqt l-analiżi tad-dokument, l-investigaturi nnutaw diversi punti li kienu jikkorrispondu ma' dettalji li Yorgen Fenech aktar tard ta fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija, fosthom referenzi għal ammonti speċifiċi ta' flus.
Ix-xhud jgħid li d-dokument kien jinkludi wkoll allegazzjoni li Keith Schembri kien qal lil Fenech fl-2015 li Chris Cardona kien "xtaq jeħles minnha", b'referenza għal Daphne Caruana Galizia.
Arnaud iżid li, skont il-verżjoni mogħtija minn Fenech lill-investigaturi, waqt laqgħat li allegatament saru f'razzett f'Ottubru tal-2016, is-suġġett ta' Daphne Caruana Galizia kien jissemma ta' spiss, partikolarment minħabba l-kitbiet tagħha dwar Keith Schembri, saħħtu u l-Gvern Laburista.
Wara li eżaminaw id-dokumenti, l-investigaturi bdew jivverifikaw l-allegazzjonijiet li kienu jsiru dwar Chris Cardona.
Fix-xhieda tiegħu, Keith Arnaud spjega li fost l-affermazzjonijiet li ġew investigati kien hemm allegat laqgħa bejn Cardona u Alfred Degiorgio f'bar f'Siġġiewi.
Il-Pulizija ppruvat ukoll tikseb filmati tas-CCTV miż-żona, iżda meta saru t-talbiet, diversi xhur wara l-allegat avveniment, ir-recordings kienu diġà tħassru.
Arnaud qal li, minkejja l-investigazzjonijiet li saru, il-Pulizija ma sabet l-ebda evidenza li tikkonferma li Chris Cardona u Alfred Degiorgio qatt iltaqgħu qabel l-arresti. Huwa żied li l-investigaturi ma rnexxielhom isibu ebda prova li ssostni din l-allegazzjoni.
Il-prosekuzzjoni bdiet taqra fil-Qorti wieħed mid-dokumenti elevati matul l-investigazzjoni, filwaqt li l-kontenut tiegħu qed jintwera wkoll fuq l-iskrins fl-awla.
Id-dokument huwa l-ittra magħrufa bħala l-Chris Cardona "frame-up" letter, li skont il-każ tal-prosekuzzjoni kienet waslet għand Yorgen Fenech permezz ta' Dr Adrian Vella.
L-ittra tipprova tattribwixxi r-responsabbiltà tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia lill-eks ministru Chris Cardona.
Keith Schembri, iżda, dejjem ċaħad li kien hu li għadda dan id-dokument lil Dr Adrian Vella.
L-analiżi forensika mwettqa matul l-investigazzjoni wasslet lill-Pulizija biex torbot tliet apparati splussivi differenti permezz tal-mod kif kienu mibnija.
Keith Arnaud spjega li wieħed mill-apparati ntuża fl-attentat fuq Romeo Bone, ieħor fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, filwaqt li t-tielet kien marbut ma' attentat fuq Kevin Ellul, magħruf bħala "Double-0", fil-Għargħur.
Skont ix-xhud, l-investigaturi kienu diġà rċevew informazzjoni f'April 2018 li setgħet teżisti bomba oħra, u minn dak il-mument komplew jinvestigaw dik il-linja b'kawtela.
Arnaud qal li l-eżami tal-komponenti rkuprati mit-tliet apparati wassal lill-esperti għall-konklużjoni li dawn kellhom diversi elementi komuni, fatt li saħħaħ ir-rabta bejn il-każijiet.
Meta mistoqsi mill-investigaturi dwar referenza għall-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar f'waħda mir-recordings, Melvin Theuma spjega li ried joħloq l-impressjoni li kellu wkoll kuntatti ma' persuni influwenti.
Skont ix-xhieda ta' Keith Arnaud, Theuma qal li kien jaf li Johann Cremona kellu rabtiet ma' Yorgen Fenech u għalhekk ried isaħħaħ il-kredibilità tiegħu. Qal ukoll li għażel li jsemmi lil Lawrence Cutajar għax Edgar Brincat kien jaf lill-eks Kummissarju.
Arnaud jgħid li, skont l-investigazzjoni, Edgar Brincat kien ħeġġeġ lil Melvin Theuma jieħu ħsieb li, fir-recordings li kien jagħmel, ikun possibbli li jiġu identifikati mingħajr dubju l-persuni involuti.
Ix-xhud jispjega li Brincat allegatament qallu biex idaħħal l-isem tal-persuna fil-konverżazzjoni, sabiex il-mod kif twieġeb aktar tard jgħin lill-investigaturi jikkonfermaw min kien qed jitkellem.
Arnaud jgħid li dawn ir-recordings bdew jieħdu importanza dejjem akbar hekk kif il-każ kompla jiżviluppa. Skont hu, meta l-investigazzjoni kienet waslet f'punt fejn l-iżviluppi kienu waqfu, il-materjal awdjo sar wieħed mill-aktar għodod importanti li kellha l-Pulizija biex tkompli timxi 'l quddiem.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li, meta Melvin Theuma beda jikkunsidra li jersaq għand il-Pulizija, iddiskuta din il-possibbiltà ma' Edgar Brincat.
Skont ix-xhud, Brincat ħeġġu biex ma jagħmilx dan, għax kien jemmen li, jekk jitkellem, ikun hu li jispiċċa jħallas il-prezz u jidħol il-ħabs.
Arnaud jgħid li Johann Cremona wkoll allegatament ipprova jiddisswadih, billi qallu li kien qed jidħol għal riskju kbir u li Yorgen Fenech kien persuna b'ħafna aktar poter u influwenza minnu.
Keith Arnaud jgħid li Edgar Brincat, magħruf bħala il-Ġojja, ġie arrestat fl-14 ta' Novembru 2019 minħabba l-konnessjoni tiegħu ma' Melvin Theuma u bħala parti minn investigazzjoni tal-FCID dwar allegat ħasil ta' flus u logħob tal-azzard illegali.
Ix-xhud jispjega li, waqt l-interrogazzjoni, Brincat invoka d-dritt tiegħu li jibqa' sieket u ma ta l-ebda stqarrija lill-investigaturi.
Arnaud jgħid li l-Pulizija kienet tal-fehma li Brincat seta' jitfa' dawl fuq ir-relazzjoni tiegħu ma' Theuma u fuq aspetti tal-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Għalhekk, l-investigaturi ppruvaw jipperswaduh jikkollabora, iżda mingħajr suċċess, hekk kif baqa' ma weġibx il-mistoqsijiet li sarulu.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li, skont dak li ħareġ mill-investigazzjoni, Edgar Brincat kien ħeġġeġ lil Melvin Theuma jieħu prekawzjonijiet biex, fir-recordings li kien jagħmel, ikun possibbli li jiġu identifikati b'mod ċar il-persuni involuti.
Ix-xhud jispjega li Brincat allegatament qallu biex idaħħal l-isem tal-persuna fil-konversazzjoni, ħalli r-risposta tagħha sservi aktar tard biex tikkonferma min kien qed jitkellem.
Arnaud jgħid li, hekk kif il-każ kompla jiżviluppa, dawn ir-recordings bdew ikollhom valur dejjem akbar għall-investigaturi. Huwa jżid li wara li l-investigazzjoni kienet waslet fi stadju ta' impass, il-kontenut tagħhom sar wieħed mill-aktar elementi importanti biex il-Pulizija setgħet tkompli tavvanza l-inkjesta.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li Edgar Brincat, magħruf bħala il-Ġojja, ġie arrestat fl-14 ta' Novembru 2019 minħabba l-konnessjoni tiegħu ma' Melvin Theuma, kif ukoll bħala parti mill-investigazzjoni dwar allegat ħasil ta' flus u logħob tal-azzard illegali.
Ix-xhud jispjega li, waqt l-interrogazzjoni, Brincat għażel li jeżerċita d-dritt tiegħu li jibqa' sieket. Arnaud jgħid li l-investigaturi ppruvaw b'diversi modi jħeġġuh jitkellem, għax kienu tal-fehma li seta' jagħti informazzjoni rilevanti dwar Theuma u l-investigazzjoni tal-qtil, iżda dan baqa' ma tax stqarrija.
Arnaud jgħid ukoll li, skont dak li qal Melvin Theuma lill-investigaturi, meta beda jikkunsidra li jikxef dak li kien jaf lill-Pulizija, fetaħ qalbu ma' Edgar Brincat.
Skont ix-xhud, Brincat ipprova jaqtagħlu qalbu minn din l-idea, għax beża' li Theuma kien se jispiċċa l-ħabs u jerfa' r-responsabbiltà waħdu.
Arnaud iżid li Johann Cremona wkoll allegatament tah l-istess parir, u wissieh li kien qed jaffaċċja riskju kbir u li Yorgen Fenech kellu ħafna aktar poter u influwenza minnu.
Keith Arnaud jerġa' jieħu postu fix-xhieda hekk kif il-prosekuzzjoni ssaqsi fuq ir-recordings ta' Melvin Theuma.
Ix-xhud jgħid li, meta Theuma beda jikkollabora mal-investigaturi wara l-arrest tiegħu, il-Pulizija kienet taf biss b'numru limitat ta' recordings.
Madankollu, Arnaud jgħid li matul il-bidu tal-proċeduri tal-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, Theuma avviċinah u qallu li kien għad fadallu ħafna aktar recordings li l-investigaturi kienu għadhom ma sabux.
Minn hemm, il-Pulizija intensifikat it-tfittxijiet tagħha biex issib il-kumplament tal-audio files. Skont Arnaud, l-ewwel recordings irkuprati kienu jinkludu konversazzjonijiet bejn Theuma u Yorgen Fenech, filwaqt li aktar tard instabu wkoll recordings ta' taħditiet ma' Johann Cremona u Mario Degiorgio.
Lura fl-awla iżda l-proċeduri għadom ma bdewx hekk kif l-avukati tad-difiża u tal-prosekuzzjoni daħlu fis-sigrieta
Il-ġurati irtiraw għal ħin l-ikel. Nerġgħu nkunu magħkom fit-3pm!
Keith Arnaud jgħid li, waqt l-analiżi tal-mobile ta' Yorgen Fenech, l-investigaturi sabu wkoll kopja tal-abbozz tal-ftehim relatat mal-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma.
Skont ix-xhud, Fenech sostna mal-Pulizija li kien irċieva dak id-dokument mingħand Keith Schembri.
Madankollu, Arnaud jgħid li Schembri dejjem ċaħad li qatt għadda jew bagħat dan l-abbozz lil Fenech.
Pjan li jinqatel Melvin Theuma
Arnaud jgħid, li, matul l-investigazzjoni, il-Pulizija eżaminat ukoll informazzjoni li kienet tindika allegat pjan biex jinqatel Melvin Theuma.
Skont ix-xhud, l-informazzjoni li waslet għand l-investigaturi kienet tissuġġerixxi li Kenneth Camilleri allegatament kellu jwettaq dan il-pjan. Arnaud jgħid li, skont dak li ġie investigat, Camilleri kien ċempel lil Theuma u ffissa biex jiltaqa' miegħu barra l-appartament tiegħu.
Madankollu, meta Theuma niżel flimkien ma' ibnu, Camilleri allegatament telaq minn fuq il-post mingħajr ma seħħ xejn.
Arnaud jgħid li, meta aktar tard il-Pulizija kkonfrontat lil Camilleri b'din l-allegazzjoni, dan ċaħadha u beda jidħak. Skont ix-xhud, Camilleri sostna li qatt ma kellu l-intenzjoni li jagħmel ħsara lil Theuma u li kien biss qed jipprova jserraħlu rasu.
Ix-xhud iżid li Keith Schembri wkoll ċaħad kategorikament li qatt kien jeżisti xi pjan biex Melvin Theuma jiġi eliminat.
Keith Arnaud jirreferi mill-ġdid għall-avvenimenti ta' Novembru 2019 u jgħid lill-Qorti li l-ewwel indikazzjonijiet pubbliċi dwar l-iżviluppi fl-investigazzjoni bdew joħorġu fis-17 ta' Novembru.
Ix-xhud jagħmel referenza għal rapport fil-midja ppubblikat dakinhar, li kien jinkludi wkoll kumment tal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, Joseph Muscat, dwar il-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Skont Arnaud, dik kienet l-ewwel darba f'dak il-perjodu sensittiv li dettalji marbuta mal-investigazzjoni bdew isiru magħrufa pubblikament, filwaqt li l-Pulizija kienet għadha qed tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha.
Keith Arnaud jixhedi li, minkejja li Yorgen Fenech dejjem ċaħad li kien qed jipprova jaħrab minn Malta, l-investigaturi waslu għal konklużjoni differenti wara li analizzaw il-konverżazzjonijiet irkuprati mill-mobile tiegħu.
Skont ix-xhud, l-ewwel sinjali ta' tħassib bdew jidhru fis-17 ta' Novembru 2019, meta Fenech irċieva artiklu dwar l-investigazzjoni mingħand zijuh Ray, akkumpanjat bil-messaġġ: "Ma jgħidu xejn għal xejn."
Arnaud jgħid li, hekk kif fil-jiem ta' wara bdew joħorġu rapporti li Melvin Theuma seta' jingħata maħfra presidenzjali, l-investigaturi sabu konverżazzjonijiet li juru lil Fenech jesplora diversi modi kif seta' jitlaq minn Malta.
Ix-xhud jgħid li fost il-messaġġi kien hemm diskussjonijiet dwar titjiriet lejn Franza, kif ukoll pjan biex jitlaq bid-dgħajsa lejn l-Italja, fejn allegatament kien se jiltaqa' ma' ħuh. Instabu wkoll istruzzjonijiet biex il-kaptan jipprepara l-jott mingħajr il-bqija tal-ekwipaġġ, kif ukoll pariri biex ma jużax credit cards.
Skont Arnaud, dawn kienu kollha elementi li, fil-fehma tal-investigaturi, kienu jindikaw tħejjijiet biex Fenech jitlaq mill-pajjiż.
Huwa jgħid ukoll li, filgħodu tal-20 ta' Novembru, Fenech tela' abbord il-jott flimkien mal-kaptan biss, filwaqt li l-messaġġi estratti mit-telefon tiegħu juru wkoll li baqa' jikkomunika mat-tim legali tiegħu matul dak il-perjodu.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li, waqt l-interrogazzjoni tiegħu, Keith Schembri ammetta li baqa' jikkomunika ma' Yorgen Fenech wara li sar jaf li dan kien qed jikkunsidra li jitlaq minn Malta.
Skont ix-xhud, Schembri qal lill-investigaturi li kien qed jipprova jżomm kuntatt miegħu għax kien ġie mgħarraf li kellu jagħmel minn kollox biex Fenech ma jaħrabx mill-pajjiż.
Arnaud jgħid li l-Pulizija kkonfrontatu wkoll b'konverżazzjonijiet fuq Signal irkuprati mill-mobile ta' Fenech, li kienu juru diskussjonijiet dwar l-andament tal-investigazzjoni, is-sitwazzjoni ta' Melvin Theuma u l-possibbiltà li Fenech jiġi arrestat. Fost il-messaġġi, Schembri wieġeb b'"leeee" għal waħda mill-mistoqsijiet ta' Fenech.
Ix-xhud jgħid li Schembri spjega li baqa' jikkomunika ma' Fenech għax kien jibża' li dan seta' jaħrab minn Malta. Skont Arnaud, Schembri qal li kien iqis li kien ikun "diżunur għall-pajjiż" kieku Fenech irnexxielu jaħrab waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni.
Arnaud iżid li Schembri kkonferma wkoll mal-investigaturi li hu u Yorgen Fenech kienu ħbieb.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li, hekk kif l-investigazzjoni kompliet tiżviluppa, il-Pulizija elevat diversi apparati elettroniċi waqt it-tfittxijiet li kienu qed isiru.
Ix-xhud jispjega li l-investigaturi eżaminaw ukoll filmati minn cameras tas-sigurtà fir-residenza ta' Keith Schembri biex jivverifikaw jekk Dr Adrian Vella kienx mar hemm, kif kien ħareġ mill-investigazzjoni.
Arnaud jgħid li fis-26 ta' Novembru 2019, Yorgen Fenech ingħata police bail għall-ħabta tal-11am.
Sa dak l-istadju, skont ix-xhud, l-investigazzjoni kienet diġà ħadet direzzjoni ġdida, b'attenzjoni partikolari fuq Keith Schembri u Dr Adrian Vella, li t-tnejn ġew arrestati u interrogati hekk kif il-Pulizija kompliet tespandi l-inkjesta tagħha.
Ix-xhieda ta' Keith Arnaud tieqaf għal mument wara skambju qasir fl-awla.
Arnaud jdur lejn in-naħa tad-difiża u jgħid: "Għajjejt nisma' żekżik minn warajja."
Huwa jżid li kien diġà skuża ruħu aktar kmieni meta semma bi żball lil ħu Yorgen Fenech, iżda qal: "Skużajt ruħi meta semmejt lil ħu Yorgen Fenech, imma issa biżżejjed."
L-Imħallef intervjeniet biex is-seduta terġa' lura għax-xhieda u l-proċeduri komplew.
Keith Arnaud jgħid li l-investigaturi għaddew minn ammont kbir ta' materjal irkuprat mill-mobile ta' Yorgen Fenech fit-tfittxija ta' konverżazzjoni partikolari li kienet tqieset importanti għall-investigazzjoni.
Skont ix-xhud, minkejja li r-recording jew is-screenshot li kienu qed ifittxu ma nstabx, l-investigaturi sabu verżjoni żgħira tal-immaġni (thumbnail) li dehret tikkorrispondi mal-konverżazzjoni li kienu qed ifittxu.
Arnaud jgħid li din kienet l-ewwel indikazzjoni li l-apparat kien fih l-informazzjoni li l-Pulizija kienet qed tipprova tivverifika. Huwa qal li minn hemm ittieħdet id-deċiżjoni li tittieħed azzjoni fil-konfront ta' Keith Schembri.
Ix-xhud iżid li hu u l-investigatur Kurt Zahra marru kmieni filgħodu Mellieħa biex iwettqu l-arrest ta' Schembri. Wara li sabu r-residenza tiegħu, arrestawh u skortawh lejn id-Depot tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.
Kompla jgħid li Dr Adrian Vella baqa' jinsisti mal-investigaturi li t-tieni dokument, li kien twil żewġ paġni, qatt ma għaddieh lil Yorgen Fenech.
Ix-xhud jispjega li, wara li ġew eżaminati ż-żewġ dokumenti, il-Pulizija qieset li kien hemm lok biex l-investigazzjoni tavvanza għal fażi oħra.
Skont Arnaud, f'dak l-istadju l-investigaturi bdew jevalwaw jekk kienx hemm biżżejjed elementi biex tittieħed azzjoni fil-konfront ta' Keith Schembri u jekk kinux jeżistu suspetti raġonevoli li seta' twettaq xi reat.
Arnaud jgħid li għalhekk il-Pulizija ffukat fuq id-data estratta mill-mobile ta' Yorgen Fenech, b'mod partikolari biex tivverifika allegat kuntatt bejn Fenech u Schembri fil-lejl tal-arrest ta' Fenech.
Arnaud qal li skont l-istqarrija li ta Dr Adrian Vella, huwa qatt ma fetaħ jew qara d-dokumenti li kien ġabar mingħand Keith Schembri.
Ix-xhud jispjega li Vella qal lill-investigaturi li, wara li rċeviehom, poġġa l-pakkett fil-but ta' ġewwa tal-ġakketta tiegħu u saq direttament lejn Portomaso.
Hemmhekk, skont il-verżjoni tiegħu, iltaqa' ma' Yorgen Fenech u mal-avukat Gianluca Caruana Curran, u għaddielhom il-pakkett.
Arnaud jgħid li Vella rrakkonta wkoll li ra lil Fenech jikteb xi ħaġa fuq id-dokumenti qabel iwarrabhom, filwaqt li nnota li deher aġitat waqt il-laqgħa.
Madankollu, minħabba li qatt ma eżamina l-kontenut tagħhom, Vella qal li ma setax jgħid b'ċertezza jekk il-karti li wassal kinux l-istess dokumenti li l-Pulizija aktar tard elevat matul l-investigazzjoni.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li, fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija, Dr Adrian Vella rrakkonta li nhar il-Ħadd 24 ta' Novembru, waqt li Yorgen Fenech kien fuq police bail, irċieva telefonata mingħandu biex jiġbor xi dokumenti mingħand Keith Schembri.
Skont ix-xhud, Vella qal ukoll li kien ġie kkuntattjat minn Schembri dwar l-istess materjal.
Arnaud jgħid li t-tabib spjega lill-investigaturi li ż-żjarat tiegħu għand Keith Schembri ma kinux xi ħaġa mhux tas-soltu.
Skont il-verżjoni mogħtija minn Vella, meta wasal għand Schembri ngħata pakkett ta' dokumenti, li mbagħad ħa miegħu kif kien mitlub.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li, wara li Melvin Theuma ngħata maħfra presidenzjali, l-investigaturi komplew bl-interrogazzjonijiet ta' Yorgen Fenech filwaqt li mexxew ukoll passi oħra fl-investigazzjoni, fosthom l-arrest ta' Dr Adrian Vella.
Fl-istess ħin, il-Pulizija bdiet tanalizza d-data estratta mill-mobile ta' Fenech, li kien ġie elevat wara l-arrest tiegħu fl-20 ta' Novembru 2019.
Skont Arnaud, għall-bidu l-esperti rnexxielhom jirkupraw biss parti mill-kontenut tat-telefon minħabba diffikultajiet tekniċi biex jaċċessaw l-apparat.
Madankollu, ix-xhud jgħid li minkejja dawn l-isfidi, l-investigaturi rnexxielhom jiksbu ammont konsiderevoli ta' informazzjoni, li aktar tard kellha rwol importanti fl-iżvilupp tal-investigazzjoni.
..
..
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li, wara li Melvin Theuma ngħata maħfra presidenzjali, l-investigaturi komplew bl-interrogazzjonijiet ta' Yorgen Fenech filwaqt li mexxew ukoll passi oħra fl-investigazzjoni, fosthom l-arrest ta' Dr Adrian Vella.
Fl-istess ħin, il-Pulizija bdiet tanalizza d-data estratta mill-mobile ta' Fenech, li kien ġie elevat wara l-arrest tiegħu fl-20 ta' Novembru 2019.
Skont Arnaud, għall-bidu l-esperti rnexxielhom jirkupraw biss parti mill-kontenut tat-telefon minħabba diffikultajiet tekniċi biex jaċċessaw l-apparat.
Madankollu, ix-xhud jgħid li minkejja dawn l-isfidi, l-investigaturi rnexxielhom jiksbu ammont konsiderevoli ta' informazzjoni, li aktar tard kellha rwol importanti fl-iżvilupp tal-investigazzjoni.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li l-arrest ta' Dr Adrian Vella ġie deċiż wara li l-investigaturi eżaminaw żewġ dokumenti li ġew ippreżentati mill-avukat ta' Yorgen Fenech waqt intervista li saret fl-24 ta' Novembru 2019.
Skont ix-xhud, wieħed mid-dokumenti kien twil ħames paġni, filwaqt li l-ieħor kien jikkonsisti f'żewġ paġni.
Arnaud jgħid li, wara li ġew analizzati l-kontenut tagħhom, l-investigaturi waslu għall-konklużjoni li kien hemm biżżejjed raġunijiet biex tittieħed azzjoni fil-konfront ta' Dr Adrian Vella.
Huwa jżid li dawn iż-żewġ dokumenti kienu l-element ewlieni li wassal għad-deċiżjoni li l-Pulizija tarresta lit-tabib bħala parti mill-investigazzjoni.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li, sa tmiem Novembru 2019, hu u l-investigatur Kurt Zahra kienu waslu għall-konklużjoni li kien hemm biżżejjed evidenza biex jirrakkomandaw li Melvin Theuma jingħata maħfra presidenzjali.
Skont ix-xhud, din ir-rakkomandazzjoni saret wara analiżi bir-reqqa tal-istqarrijiet ta' Theuma, l-ittra li kienet instabet fl-uffiċċju ta' Yorgen Fenech, ir-recordings, dokumenti oħra u x-xhieda ta' diversi persuni, fosthom Edgar Brincat, Kenneth Camilleri, Johann Cremona u numru ta' xufiera tat-taxis.
Arnaud jgħid li, wara din ir-rakkomandazzjoni, Theuma ngħata uffiċjalment maħfra presidenzjali fil-25 ta' Novembru 2019, filwaqt li l-investigazzjoni kompliet timxi 'l quddiem.
Ix-xhud jgħid li fil-24 ta' Novembru, Yorgen Fenech reġa' ġie arrestat wara li qatta' l-ewwel parti tal-ġurnata jikkonsulta mat-tim legali tiegħu.
Aktar tard dakinhar, għall-ħabta tal-5.15pm, il-Pulizija reġgħet bdiet tinterrogah, filwaqt li parallelament kompliet tieħu aktar stqarrijiet mingħand Melvin Theuma.
Arnaud jgħid li sa dak l-istadju l-investigaturi kienu diġà intervistaw lil Fenech darbtejn u lil Theuma sitt darbiet.
Arnaud iżid li fil-25 ta' Novembru, wara li Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali, Fenech talab jerġa' jikkonsulta mal-avukati tiegħu qabel ma kompliet l-interrogazzjoni.
Skont ix-xhud, aktar tard filgħaxija l-investigaturi intervistaw lil Fenech għal madwar siegħa u nofs, waqt li huwa kompla jżid mal-istqarrijiet li kien diġà ta lill-Pulizija.
Arnaud jgħid ukoll li aktar tard dak il-lejl, għall-ħabta tal-10.30pm, il-Pulizija marret fir-residenza ta' Dr Adrian Vella, fejn twettaq l-arrest tiegħu bħala parti mill-investigazzjoni.
Arnaud jgħid lill-Qorti li, waqt li kien qed jinżamm taħt arrest, Yorgen Fenech baqa' jkollu kuntatt mat-tim legali tiegħu, li kien iżuru wkoll fid-dar tiegħu.
Ix-xhud jgħid li fit-23 ta' Novembru, wara konsultazzjonijiet mal-avukati tiegħu, Fenech talab li jiġi eżaminat mit-tabib Adrian Vella.
Skont Arnaud, wara l-eżami, Dr Vella rrakkomanda li Fenech jittieħed l-Isptar Mater Dei, fejn ġie skortat mill-Pulizija.
Arnaud jgħid li aktar tard dak inhar l-investigaturi ġew infurmati mit-tobba li, minħabba l-mediċina li ngħatat lil Fenech, ma setax jiġi interrogat għall-24 siegħa ta' wara.
B'riżultat ta' dan, l-interrogazzjoni ġiet differita u l-Pulizija tatlu perjodu ieħor ta' police bail, bil-pjan li l-interrogazzjonijiet ikomplu l-għada.
Keith Arnaud jirreferi għal kronoloġija tal-investigazzjoni li tiddokumenta l-iżviluppi ewlenin fil-ġimgħat ta' wara l-arrest ta' Yorgen Fenech.
Ix-xhud jgħid li, waqt li Fenech kien miżmum fil-lock-up tal-Pulizija, kellu żewġ laqgħat miegħu.
Arnaud jirrakkonta li f'waħda minn dawn il-laqgħat qallu li l-proċess li kien quddiemu kien se jkun wieħed twil u li, jekk ried jgħin lilu nnifsu, dak kien il-mument opportun biex jagħti l-verżjoni tiegħu tal-fatti.
Huwa jispjega lill-ġurati li dan huwa metodu investigattiv użat ta' spiss mill-Pulizija, fejn persuni arrestati jingħataw l-opportunità jikkollaboraw u jippreżentaw il-verżjoni tagħhom tal-każ.
Arnaud qal lill-Qorti li, f'waħda mir-recordings, Yorgen Fenech allegatament jgħid lil Melvin Theuma li Keith Schembri kien "iffriża" meta sar jaf bil-qtil u li kien wieġbu li kien imissu kien jaf b'dan minn qabel. Skont Arnaud, din il-konversazzjoni kienet taqbel mal-verżjoni li ta Theuma lill-investigaturi, li fiha dejjem sostna li Schembri ma kienx involut direttament fl-allegat ippjanar jew fit-twettiq tal-qtil.
Arnaud jgħid lill-Qorti li Melvin Theuma spjega wkoll għaliex kien għażel li jiġbor parti mir-recordings fuq USB.
Skont ix-xhud, Theuma qal li ried iżomm kopja tal-materjal bħala protezzjoni għalih innifsu, sabiex jekk xi ħadd jipprova jheddu jew jagħmillu ħsara, tibqa' teżisti evidenza li setgħet twassal għall-verità.
Arnaud jgħid li Theuma sostna wkoll li kull referenza li għamel għal Keith Schembri fir-recordings kienet marbuta ma' avvenimenti li seħħew wara li l-investigazzjoni bdiet tavvanza, u mhux mal-allegat ippjanar jew it-twettiq tal-qtil.
Ix-xhud jgħid li, matul l-interrogazzjonijiet, Theuma baqa' konsistenti fil-verżjoni tiegħu li kien hemm persuna waħda biss li, skont hu, kienet wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, u dik kienet Yorgen Fenech.
Arnaud iżid li, skont il-kalkoli tal-investigaturi, madwar €450,000 allegatament għaddew mingħand Fenech għand Theuma biex jitħallsu lill-aħwa Degiorgio wara l-arrest tagħhom, fosthom għal spejjeż legali u nefqa oħra.
Huwa jgħid ukoll li ħafna mir-recordings li kienu ġew analizzati sa dak l-istadju kienu konversazzjonijiet bejn Theuma u Fenech. Skont Arnaud, f'dawn ir-recordings Theuma kien jidher imħasseb u kontinwament ifittex serħan il-moħħ, filwaqt li Fenech allegatament kien jipprova jikkalmah, inkluż billi jgħidlu li kien tkellem ma' Keith Schembri
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li, waqt l-interrogazzjonijiet, Melvin Theuma ġie mistoqsi dwar l-ittra miktuba bl-idejn li l-investigaturi kienu sabu fl-uffiċċju ta' Yorgen Fenech.
Skont Arnaud, Theuma spjega li kien kiteb dik l-ittra għax kien jemmen li ħajtu kienet fil-periklu u beża' li seta' jiġi eliminat.
Ix-xhud jgħid li l-investigaturi ffukaw b'mod partikolari fuq is-silta fejn Theuma jsemmi "l-istess żewġ persuni", u staqsewh jekk b'dan kienx qed jimplika li kien hemm żewġ persuni wara l-allegat pjan tal-qtil.
Arnaud jgħid li Theuma ċaħad din l-interpretazzjoni. Skont il-verżjoni tiegħu, Keith Schembri qatt ma kien involut f'diskussjonijiet dwar il-qtil u qal li kien iltaqa' miegħu darba jew darbtejn biss.
Huwa spjega lill-investigaturi li r-referenzi għal Schembri fl-ittra kienu marbuta mal-allegat impjieg fil-Gvern li kien irċieva, u mhux mal-allegat pjan tal-qtil.
X’kien hemm miktub fl-ittra?
Keith Arnaud jaqra fil-Qorti l-kontenut ta' ittra li, skont hu, instabet waqt it-tfittxijiet fl-uffiċċju ta' Yorgen Fenech.
Skont Arnaud, l-ittra kienet miktuba minn Melvin Theuma u kienet tispjega għaliex kien beda jiġbor provi dwar il-każ.
"Jien, Melvin Theuma, qed ngħaddi din l-informazzjoni li kont il-middleman fil-każ tas-Sinjura Caruana Galizia. Jien qed nibgħat dawn il-provi biex issiru tafu min ħallasni biex issir din il-bomba.
Dan qed nagħmlu għax indunajt li l-istess żewġ persuni, li huma Yorgen Fenech u Keith Schembri tal-Kasco, kienu qed jaħdmu biex jeħilsu minni wkoll. Għalhekk lestejt dawn il-provi biex, f'każ li niġi eliminat, tkunu tafu l-istorja kollha.
Għax biex jużawni, Keith Schembri tal-Kasco tani wkoll job mal-Gvern. Imma wara li nqeda bija spiċċajt barra jien ukoll. Għalhekk qed nagħmel kopja tal-kuntratt tal-job, ritratt ma' Keith Schembri meta tani l-job, u xi ċipep tar-recordings.
Melvin Theuma"
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li Yorgen Fenech ġie arrestat filgħodu tal-20 ta' Novembru 2019, iżda hu ma kienx involut direttament fl-operazzjoni tal-arrest.
Ix-xhud jispjega li, minkejja dan, kien qed jinżamm aġġornat kontinwament dwar l-iżviluppi li kienu qed iseħħu waqt it-tfittxijiet fuq id-dgħajsa ta' Fenech u fl-uffiċini tiegħu f'Portomaso.
Arnaud jgħid ukoll li, waqt waħda minn dawn it-tfittxijiet, l-investigaturi elevaw ittra mill-uffiċċju ta' Yorgen Fenech, li ġiet inkorporata bħala parti mill-investigazzjoni.
Arnaud jikkonferma li Fenech ġie arrestat filgħodu tal-20 ta' Novembru 2019. Huwa jgħid li fl-istess jum l-investigaturi komplew bl-interrogazzjonijiet ta' Melvin Theuma, fejn saru tliet sessjonijiet separati.
Ix-xhud jispjega li hu ma ħax sehem dirett fl-arrest ta' Fenech u lanqas fit-tfittxijiet li saru fuq id-dgħajsa tiegħu jew fl-uffiċini tiegħu f'Portomaso. Madankollu, qal li kien jinżamm infurmat kontinwament bl-iżviluppi tal-operazzjoni.
Arnaud jgħid ukoll li waqt it-tfittxijiet fl-uffiċċji ta' Yorgen Fenech l-investigaturi elevaw ukoll ittra bħala parti mill-evidenza.
Meta mistoqsi dwar il-pjan inizjali tal-investigazzjoni, Arnaud wieġeb li dak iż-żmien il-Pulizija ma kinitx biħsiebha tarresta lil Fenech, peress li l-investigaturi kienu għadhom qed jippruvaw jibnu stampa aktar ċara tal-każ u jifhmu l-verżjoni sħiħa tal-fatti.
Keith Arnaud jgħid ukoll li, skont il-verżjoni ta' Melvin Theuma, dan beda jemmen li l-fatt li Vince Muscat kien beda jikkollabora mal-Pulizija kien parti minn allegat pjan biex hu jispiċċa tradut.
Ix-xhud jispjega li din kienet il-perċezzjoni ta' Theuma u li kienet tidher ukoll fil-konversazzjonijiet irrekordjati li aktar tard ġew elevati mill-investigaturi.
Arnaud iżid li Theuma dejjem insista li l-kuntatti tiegħu ma' Keith Schembri kienu limitati għal żewġ laqgħat biss u li qatt ma kellu diskussjonijiet miegħu dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Skont dak li rrakkonta Theuma, l-ewwel laqgħa saret f'ranch f'Ħaż-Żebbuġ, filwaqt li t-tieni kienet f'Kastilja, fejn allegatament intbagħat minn Yorgen Fenech b'rabta mal-impjieg fil-Gvern li aktar tard iddeskriva bħala wieħed fittizju.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li Melvin Theuma ġie arrestat fl-14 ta' Novembru 2019, fi żmien meta l-investigazzjoni kienet għadha qed issir kompletament 'il bogħod mill-għajnejn tal-pubbliku.
Ix-xhud jispjega li dak il-perjodu kien kruċjali għall-investigaturi, filwaqt li rrimarka li l-pubbliċità dwar investigazzjonijiet kriminali kumplessi mhux dejjem tkun ta' għajnuna u tista' saħansitra toħloq pressjoni żejda fuq min ikun qed imexxihom.
Arnaud jgħid li l-ewwel rapporti fil-midja dwar l-iżviluppi fil-każ bdew jidhru biss fis-17 ta' Novembru. Huwa jżid li wara dawn ir-rapporti kien hemm ukoll kumment pubbliku mill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, Joseph Muscat, li ddeskrivieh bħala referenza indiretta għall-investigazzjoni.
Ix-xhud kompla jgħid li, jumejn wara, ħarġet ukoll l-aħbar li kienet ingħatat maħfra presidenzjali lil persuna marbuta mal-każ. Skont Arnaud, ladarba l-allegat involviment ta' Yorgen Fenech beda jsir magħruf, dan allegatament ipprova jitlaq minn Malta bid-dgħajsa minn Portomaso qabel ma ġie arrestat.
Meta mistoqsi mill-prosekuzzjoni għaliex Melvin Theuma kien jemmen li Kenneth Camilleri kien intbagħat minn Keith Schembri, Keith Arnaud wieġeb li l-isem ta' Schembri kien jissemma b'mod frekwenti fir-recordings sigrieti li kien għamel Theuma, ħafna drabi flimkien ma' dak ta' Kenneth Camilleri.
Madankollu, Arnaud enfasizza quddiem il-ġurati li Keith Schembri mhuwiex akkużat jew implikat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Ix-xhud żied li tema oħra li kienet tirrepeti ruħha fir-recordings kienet il-biża' ta' Theuma li kien ġie "tradut". Skont Arnaud, hekk kif Theuma beda jħossu dejjem aktar taħt pressjoni, il-kelma "tradiment" bdiet tissemma ripetutament fil-konversazzjonijiet irreġistrati.
Arnaud xehed li Melvin Theuma beda juri tħassib kbir meta sar jaf li Vince Muscat kien qed jikkunsidra li jitkellem mal-Pulizija.
Skont ix-xhud, l-investigaturi kienu ħadu wkoll stqarrija mingħand Kenneth Camilleri, li qal li qatt ma kien jaf li t-tħassib ta' Theuma kien marbut direttament mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Arnaud qal li Camilleri spjega lill-Pulizija li kien ġie mitlub minn Keith Schembri biex ikellem lil Theuma u jipprova jikkalma s-sitwazzjoni. Madankollu, Camilleri qal li kien jemmen li l-problema kienet waħda ta' natura politika u mhux marbuta ma' allegat reat kriminali.
Skont ix-xhieda ta' Arnaud, Camilleri sostna wkoll li kien Theuma stess li baqa' jinsisti li kellhom isiru sforzi biex l-aħwa Degiorgio jingħataw il-ħelsien mill-arrest.
Arnaud jgħid li hekk kif l-investigazzjoni bdiet tavvanza, Johann Cremona u Kenneth Camilleri allegatament bdew ikollhom rwol biex jippruvaw jikkalmaw lil Melvin Theuma, li kien dejjem aktar konvint li l-Pulizija kienet riesqa lejh.
Skont ix-xhud, Theuma rrakkonta li ż-żewġt irġiel kienu jippruvaw iserrħulu rasu hekk kif il-pressjoni fuqu kompliet tikber u hu beda jibża' li kien se jkun l-ewwel persuna li tispiċċa fiċ-ċentru tal-investigazzjoni.
Arnaud jgħid li dak iż-żmien l-isem ta' Yorgen Fenech kien għadu ma ħariġx fil-pubbliku bħala persuna suspettata fil-każ.
Meta mistoqsi dwar ir-rwol ta' Camilleri u Cremona, Arnaud qal li l-investigazzjoni kienet sabet diversi spjegazzjonijiet, xi wħud anke kontradittorji, iżda rrimarka li t-tnejn kienu wkoll assoċjati fin-negozju mal-akkużat.
Arnaud jgħid ukoll li Melvin Theuma spjega lill-investigaturi għaliex kien żamm ritratt tiegħu ma' Keith Schembri fil-kaxxa tal-ġelat.
Skont ix-xhud, Theuma qal li dak ir-ritratt kien ittieħed dakinhar li allegatament ingħata l-impjieg fil-Gvern li, skont il-verżjoni tiegħu, qatt ma ħadem fih.
Arnaud jgħid li Theuma sostna li kien żamm ir-ritratt bil-ħsieb li, jekk ikun hemm bżonn, jużah biex jagħmel pressjoni fuq Schembri.
Ix-xhud iżid li, bħala parti mill-investigazzjoni, il-Pulizija intervistat ukoll lil Kenneth Camilleri u lil Johann Cremona sabiex tivverifika u tqabbel il-verżjoni mogħtija minn Theuma ma' provi oħra miġbura matul il-każ
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li, skont dak li rrakkonta Melvin Theuma, kien ġie informat minn Kenneth Camilleri, eks uffiċjal tas-sigurtà fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u minn Johann Cremona li l-aħwa Degiorgio kienu mistennija jingħataw il-libertà proviżorja.
Skont Arnaud, Theuma qal li meta l-aħwa ressqu t-talba tagħhom għall-ħelsien mill-arrest, saħansitra marru d-dar tiegħu fiż-Żurrieq biex iserrħulu rasu u jgħidulu li ma kellux għalfejn jinkwieta għax kienu se joħorġu.
Ix-xhud jgħid li Theuma kien ġie informat ukoll li, ladarba jinħelsu, l-aħwa Degiorgio kienu se jirċievu madwar €250,000. Skont Arnaud, Theuma tant ħa gost b'din l-aħbar li mar minnufih jgħarraf lil ħuhom Mario Degiorgio.
Madankollu, il-libertà proviżorja qatt ma ngħatat.
Arnaud jgħid li, wara dan, Mario Degiorgio baqa' jmur għand Theuma biex jitlob flus b'mod regolari. Xi drabi kienu ammonti ta' ftit eluf ta' ewro, filwaqt li f'okkażjonijiet oħra kienu jintalbu somom ferm akbar biex, skont il-verżjoni ta' Theuma, ikopru spejjeż legali u nefqa oħra.
Skont ix-xhud, kull darba li kien isir dan it-talba, Theuma kien imur għand Yorgen Fenech, jiġbor il-flus u jgħaddihom lil Mario Degiorgio.
F'mument minnhom, ix-xhieda ta' Keith Arnaud ġiet interrotta għal ftit sekondi hekk kif mill-barra tal-Qorti bdew jinstemgħu l-marċi tal-festa minn banda għaddejja minn taħt il-qorti, li għal mument kissru s-serjetà tal-atmosfera fl-awla.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li, skont il-verżjoni mogħtija minn Melvin Theuma, l-arrest tal-aħwa Degiorgio u ta' Vince Muscat kien il-mument meta beda jħossu tassew fil-periklu.
Ix-xhud jgħid li Theuma rrakkonta li wara l-arresti mar jiltaqa' ma' Yorgen Fenech f'Portomaso, fejn spjegalu li kien jinsab f'pożizzjoni diffiċli għax kien il-persuna li kienet torbot lill-allegati eżekuturi ma' Fenech.
Arnaud jgħid ukoll li, skont l-investigazzjoni, kien Yorgen Fenech li allegatament informa lil Theuma li Vince Muscat kien beda jitkellem mal-Pulizija.
Skont ix-xhud, Theuma mbagħad għadda din l-informazzjoni lil Mario Degiorgio, li allegatament wassalha lil ħutu waqt li kienu l-ħabs.
Arnaud jgħid li din is-sekwenza ta' avvenimenti tispjega wkoll għaliex, aktar tard, l-avukat ta' Vince Muscat, Arthur Azzopardi, ikkuntattja lill-investigaturi b'urġenza wara li rriżulta li l-aħwa Degiorgio kienu saru jafu bil-kooperazzjoni ta' Muscat.
Ix-xhud iżid li, skont dak li qal Theuma, minn dak il-mument 'il quddiem beda jippanika dejjem aktar għax kien jemmen li, jekk Vince Muscat jikxef l-informazzjoni li kellu, hu kien se jkun l-ewwel persuna f'riskju, peress li kien l-uniku rabta diretta bejn l-allegati eżekuturi u Yorgen Fenech.
Keith Arnaud jgħid li, skont dak li rrakkonta Melvin Theuma lill-investigaturi, ftit qabel l-operazzjoni li wasslet għall-arrest tal-aħwa Degiorgio, Yorgen Fenech allegatament talbu biex javżahom li l-Pulizija kienet se twettaq rejdijiet.
Skont ix-xhud, din l-informazzjoni għenet lill-investigaturi jifhmu għaliex, meta ġie arrestat, wieħed mill-aħwa Degiorgio ma kienx qed iġorr il-mobile personali tiegħu.
Arnaud jgħid ukoll li, skont il-verżjoni ta' Theuma, dan kien jaġixxi bħala l-persuna li twassal il-messaġġi bejn Yorgen Fenech u l-aħwa Degiorgio, mingħajr ma qatt jiżvela lil dawn tal-aħħar min kien allegatament ikkummissjona l-qtil.
Huwa jżid li dawn id-dettalji komplew isaħħu l-linja ta' investigazzjoni li kienet qed tiġi żviluppata mill-Pulizija f'dak il-perjodu.
Keith Arnaud jgħid lill-Qorti li wieħed mill-punti li qajjem tħassib fost l-investigaturi kien il-fatt li Melvin Theuma deher li kien qed jirċievi informazzjoni minn persuna li kienet taf x'kien qed jiġri fl-investigazzjoni.
Ix-xhud jirreferi għal wieħed mill-messaġġi skambjati bejn Theuma u Yorgen Fenech, li fih issir referenza għall-fatt li l-Pulizija kienet qed tissuspetta li l-bomba kienet ġiet ippreparata f'garaxx f'Ħaż-Żebbuġ.
Arnaud jispjega li dak iż-żmien Ħaż-Żebbuġ kien diġà sar wieħed mill-postijiet ewlenin taħt investigazzjoni, tant li l-Pulizija kienet diġà wettqet tfittxijiet f'garaxx li kienet tqis marbut mal-aħwa Ta' Maksar.
Skont Arnaud, din kienet informazzjoni li qatt ma kienet ġiet żvelata pubblikament. Għalhekk, qal, il-kontenut tal-messaġġi kompla jsaħħaħ il-konvinzjoni tal-investigaturi li Theuma kien qed jagħti rendikont ibbażat fuq tagħrif dirett dwar l-allegat pjan tal-qtil.
Keith Arnaud ikompli jirrakkonta dak li, skont il-verżjoni ta' Melvin Theuma, seħħ wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Ix-xhud jgħid li Theuma qal lill-investigaturi li l-kumplament tal-ħlas allegat lill-aħwa Degiorgio ngħadda f'Wied il-Għajn, fejn ta basket mimli flus lil Alfred Degiorgio qabel telaq minn fuq il-post.
Arnaud jispjega li matul l-interrogazzjonijiet l-investigaturi ħallew lil Theuma jirrakkonta liberament dak kollu li kien jaf dwar l-allegat pjan tal-qtil, mingħajr ma jwaqqfuh.
Skont Arnaud, Theuma ddeskriva dak il-perjodu bħala wieħed relattivament kalm, peress li, kif allegatament qal hu stess, "kulħadd kien ħa dak li ried". Madankollu, is-sitwazzjoni bdiet tinbidel meta Yorgen Fenech beda jgħaddilu ċerti aġġornamenti li, skont Theuma, wasslu biex l-ansjetà tiegħu bdiet tikbe
Il-ġurati ġew msejħa biex jidħlu fl-awla hekk kif ħa tkompli x-xhieda ta’ Arnaud
L-Imħallef Edwina Grima tidħol fl-awla, iżda x-xhieda għadha ma reġgħetx bdiet hekk kif il-prosekuzzjoni u d-difiża qed jiddibattu punt legali li ma jistax jiġi rrappurtat.
L-iskambju bejn iż-żewġ naħat isir dejjem aktar intens, tant li l-Imħallef twissi lil wieħed mill-prosekuturi biex joqgħod bilqiegħda
Bonġu, erġajna f’Awla 22. Nilqawkom lura għal dawn l-aġġornament dirett mill-Qorti. Bħalissa qed nistennew biex nibdew hekk kif kif mistenni jkompli x-xhieda tieghu l-assistant kummissarju Keith Arnaud.