Stivala jappella mid-deċiżjoni dwar il-Pixkerija l-Antika
Il-Grupp Carmelo Stivala qed jitlob li l-każ jintbagħat quddiem il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja, jargumenta li l-iżvelar tal-offerta kunfidenzjali tiegħu lill-kumpanija rivali kiser il-liġijiet tal-UE dwar il-kuntratti pubbliċi u s-sigrieti kummerċjali
minn Ħaley Xuereb
Il-Grupp Carmelo Stivala talab lill-Qorti tal-Appell biex tannulla d-deċiżjoni tal-Bord ta' Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi, li neħħietlu l-konċessjoni għar-riġenerazzjoni tal-Pixkerija l-Antika tal-Belt Valletta, proġett b'valur stmat ta' €474 miljun.
Fl-appell tiegħu, il-grupp isostni li l-Bord mar lil hinn mill-poteri tiegħu, żvela informazzjoni kummerċjali sensittiva lil kompetitur dirett u interpreta ħażin il-prinċipji fundamentali tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku.
Il-konċessjoni ta' 65 sena tara lill-Pixkerija l-Antika tinbidel f'lukanda ta' livell għoli b'faċilitajiet ta' rmigg.
It-tilwima bdiet wara li Bonnici Bros ikkontestat b'suċċess l-għoti tal-konċessjoni quddiem il-PCRB.
F'deċiżjoni mogħtija x-xahar li għadda, il-Bord annulla r-rakkomandazzjoni favur il-Grupp Stivala u ordna evalwazzjoni ġdida taż-żewġ offerti.
Żewġ nuqqasijiet fundamentali
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-PCRB identifika żewġ difetti ewlenin fil-proċess ta' evalwazzjoni.
L-ewwel wieħed kien marbut ma’ ċertifikat obbligatorju (Design Rating Energy Performance Certificate), li t-tender kien jeħtieġ li jiġi sottomess ma' kull offerta.
Minflok iċ-ċertifikat, il-Grupp Stivala ressaq dokument ta' żewġ paġni mħejji mill-konsulenti tekniċi tiegħu stess, StQP.
Il-Bord ikkonkluda li dan id-dokument ma setax jitqies bħala Energy Performance Certificate skont il-liġi, iżda kien sempliċement deskrizzjoni tiegħu.
Saħaq li ma kien jissodisfa l-ebda wieħed mir-rekwiżiti obbligatorji, li ma kienx inħareġ minn bord indipendenti u li qatt ma kien ġie rreġistrat mal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.
Il-PCRB ċaħad ukoll l-argument li dan in-nuqqas seta' jiġi injorat fuq il-bażi tal-prinċipju tal-proporzjonalità.
Skont il-Bord, in-nuqqas ta' ċertifikat validu ma kienx sempliċi irregolarità amministrattiva li setgħet tiġi rranġata aktar tard, iżda "nuqqas sostantiv" li ma setax jiġi rranġat wara li għalqet is-sejħa għall-offerti.
It-tieni nuqqas kien marbut mal-mod kif ġiet evalwata l-kriterju tal-enerġija alternattiva.
Minkejja li fl-offerta tiegħu stess il-Grupp Stivala ddikjara li, minħabba l-limitazzjonijiet tas-sit, "alternative energy generation is not deemed to be feasible for this proposed development", il-kumitat ta' evalwazzjoni xorta tah erbgħa minn ħames punti.
Il-PCRB iddeskriva din il-marka bħala “żbaljata immensament”, u qal li ma setgħet bl-ebda mod tkun rikonċiljata mal-kontenut tal-offerta.
Żied jgħid li l-għoti ta' kważi l-massimu tal-punti għal kriterju li l-istess offerent kien eskluda b'mod ċar ma kienx eżerċizzju ta' diskrezzjoni, iżda kien ifisser li l-kumitat abbanduna kompletament il-funzjoni ta' evalwazzjoni tiegħu.
Għaldaqstant, il-Bord annulla l-għoti tal-konċessjoni, reġa' daħħal lil Bonnici Bros fil-proċess u ordna lill-Government Investments Limited twettaq evalwazzjoni ġdida taż-żewġ offerti.
L-appell ta' Stivala
Fl-appell, ippreżentat mill-avukati Matthew Paris u Zackariah Esmail, il-Grupp Stivala jsostni li l-PCRB ħoloq "żbilanċ totali" fil-proċedura.
Jgħid li l-Bord ordna l-iżvelar ta' dokumenti tekniċi kunfidenzjali lill-kompetitur tiegħu, filwaqt li l-offerta ta' Bonnici Bros baqgħet, kif jiddeskriviha hu stess, "mistura u mistoħbija fil-kaxxarizz".
Skont il-kumpanija, ir-relazzjoni bejn l-Awtoritajiet u min ikun qed joffri tender hija msejsa fuq il-fiduċja.
Qalu li d-deċiżjoni tal-PCRB toħloq preċedent li jista' jnaqqas is-serħan il-moħħ tan-negozji li l-informazzjoni kummerċjali sensittiva tagħhom tibqa' protetta waqt proċeduri ta' akkwist pubbliku.
Il-Grupp Stivala jsostni wkoll li l-PCRB aġixxa u għamel affarijiet li ma kienx mitlub jagħmel, billi ordna l-iżvelar ta' informazzjoni li, skontu, qatt ma kienet intalbet minn Bonnici Bros.
Fl-appell jingħad ukoll li t-talbiet għall-informazzjoni magħmula mill-kompetitur ma kienu xejn aktar minn "fishing expedition", bil-għan li jinstab xi motiv biex tiġi kkontestata l-konċessjoni.
Il-kumpanija targumenta wkoll li l-PCRB ta importanza sproporzjonata għan-nuqqas taċ-ċertifikat tal-EPC, minkejja li dan ma kien jagħti l-ebda punt fil-grid tekniku tal-evalwazzjoni.
Skont il-Grupp Stivala, huwa sproporzjonat li offerta tiġi eskluża minħabba ċertifikat li jiswa madwar €75, meta jitqies id-distakk sostanzjali bejn iż-żewġ offerti finanzjarji.
L-appell jikkritika wkoll id-deċiżjoni tal-PCRB li tippermetti lil Bonnici Bros tagħmel rappreżentazzjonijiet dwar partijiet mill-offerta teknika tal-
Grupp Stivala waqt l-evalwazzjoni mill-ġdid, fosthom il-Work Method Statement, il-Construction Management Plan u l-Health and Safety Plan.
Skont il-kumpanija, din id-direttiva torbot idejn il-kumitat ta' evalwazzjoni u toħloq inċertezza dwar kif għandhom jitmexxew proċeduri futuri ta' akkwist pubbliku.
Talba għal rinviju preliminari
Il-Grupp Stivala qed jitlob lill-Qorti tal-Appell tannulla d-deċiżjoni tal-Bord, tiċħad l-oġġezzjonijiet ta' Bonnici Bros u tikkonferma mill-ġdid ir-rakkomandazzjoni favur tiegħu.
Qed jitlob ukoll lill-Qorti tikkunsidra li tagħmel rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea sabiex tingħata gwida dwar il-limiti tal-iżvelar ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali waqt proċeduri marbuta ma' akkwist pubbliku.
