Illum komplew il-proċeduri dwar it-talbiet għall-ħelsien mill-arrest tal-membri tal-familja Pace, bil-Qorti tisma’ aktar sottomissjonijiet miż-żewġ naħat.
Is-seduta kompliet wara li dik tal-bieraħ kellha tieqaf b'mod mhux mistenni meta diversi imputati u uffiċjali korrettivi nqabdu f'lift tal-Qorti. Fil-bidu tas-seduta tal-lum, wieħed mill-imputati fakkar fil-qosor fl-inċident u qal li dawk li kienu fil-lift kellhom joħorġu minn fetħa dejqa wara li din kienet l-uniku mod kif setgħu
Id-difiża bdiet billi talbet lill-Qorti terġa’ tikkunsidra l-kundizzjonijiet finanzjarji imposti fuq Cleaven Pace. Sostniet li, minkejja li ngħata l-ħelsien mill-arrest fil-5 ta’ Ġunju, huwa baqa’ arrestat għax ma rnexxilux jiġbor id-depożitu meħtieġ. Id-difiża argumentat li s-somma imposta hija lil hinn mill-mezzi finanzjarji tiegħu u ssuġġeriet li, jekk jitnaqqas id-depożitu, il-garanzija personali tista’ tiżdied sabiex l-imputat xorta jibqa’ taħt l-istess piż finanzjarju.
L-Avukat Ġenerali oġġezzjona għal din it-talba u sostna li kemm id-depożitu kif ukoll il-garanzija personali huma essenzjali biex jiżguraw li l-imputat josserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u għalhekk m’għandhomx jinbidlu.
Fir-rigward ta’ Carlos Pace, id-difiża sostniet li ilu żmien konsiderevoli taħt arrest u ressaq prova ta’ impjieg flimkien ma’ terz garanti. Intqal li jekk jibqa’ detenut jitlef l-opportunità ta’ xogħol li għandu quddiemu. Id-difiża rrimarkat ukoll li r-rwol allegat tiegħu fil-każ huwa inqas minn dak tal-imputati l-oħra u li huwa missier ta’ tlett itfal żgħar.
Id-difiża ressqet argumenti simili f’isem Maria Pace, filwaqt li enfasizzat li għandha fedina penali kważi netta, b’kundanni minuri ħafna li jmorru lura għall-2001, l-2004 u l-2009. Intqal ukoll li hija omm ta’ tifla ta’ tliet snin u nofs.
L-Avukat Ġenerali oppona ż-żewġ talbiet u sostna li għad fadal diversi xhieda tal-prosekuzzjoni li jridu jixhdu. Żied jgħid li l-provi li nstemgħu s’issa jindikaw involviment attiv kemm ta’ Carlos kif ukoll ta’ Maria Pace, inkluż fir-rwol allegat tagħhom fl-arranġament ta’ pagamenti. Fir-rigward ta’ Maria Pace, il-prosekuzzjoni rrimarkat ukoll li hija bħalissa bla impjieg u qajmet dubji dwar kif kienet se tkun tista’ ssostni lilha nnifisha u lill- wild tagħha jekk tingħata l-ħelsien mill-arrest. Min-naħa tagħha, id-difiża wieġbet li dan waħdu m’għandux ikun raġuni biex tiġi miċħuda t-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Wara li semgħet lis-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti rtirat biex tiddeċiedi dwar it-talbiet għall-ħelsien mill-arrest mill-kmamar tagħha.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lianne Bonello flimkien mal-avukati Neville Galea u Michael Muscat f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Andreana Zammit dehru għall-aħwa u missierhom, filwaqt li l-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri rrappreżentaw lill-imputata anzjana.
Il-każ kien presedut mill-Maġistrat Lara Lanfranco.