Żagħżugħ arrestat f’San Pawl il-Baħar b’rabta ma’ traffikar tad-droga

Raġel ta’ 20 sena residenti Tal-Pietà ġie arrestat wara li l-pulizija allegatament sabu fuqu qratas suspettati kokaina u eroina waqt ronda ta’ rutina f’San Pawl il-Baħar. 

Ir-raġel ta’ 20 sena mistenni jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella(Ritratt: Pulizija ta' Malta)
Ir-raġel ta’ 20 sena mistenni jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella(Ritratt: Pulizija ta' Malta)

Raġel ta’ 20 sena residenti Tal-Pietà ġie arrestat b’rabta ma’ allegat traffikar tad-droga wara li nqabad b’diversi qratas suspettati kokaina u eroina waqt ronda ta’ rutina tal-pulizija f’San Pawl il-Baħar. 

Il-każ seħħ ilbieraħ filgħodu għall-ħabta tat-8:30am meta l-pulizija kienu qed jagħmlu ronda bil-pass fi Triq il-Port Ruman f’San Pawl il-Baħar u nnutaw raġel li qajjem suspett. 

Ir-raġel twaqqaf mill-pulizija u minn tfittxija li saret fuqu allegatament instabu tmien qratas b’sustanza suspettata kokaina u erba’ qratas b’sustanza suspettata eroina. 

Il-pulizija qalu wkoll li nstab ammont ta’ flus kontanti fil-pussess tiegħu. 

Ir-raġel ġie arrestat fuq il-post u mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tas-1:15pm quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella LL.D.

More in Qrati u Pulizija