Eks pulizija jiċħad li ostakola t-triq f’inċident fatali f’Ħaż-Żebbuġ
Christopher Cutajar qed jiġi akkużat b’omiċidju involontarju ta’ mara ta’ 32 sena
More in Qrati u Pulizija
Christopher Cutajar qed jiġi akkużat b’omiċidju involontarju ta’ mara ta’ 32 sena
Eks uffiċjal tal-Pulizija li qed jiġi akkużat b’omiċidju involontarju xehed fil-Qorti dwar x'seħħ f’inċident li ħalla mara ta’ 32 sena mejta.
Christopher Cutajar, eks pulizija ta’ 51 sena minn Ħaż-Żabbar, deher quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana wara inċident fatali f’Ħaż-Żebbuġ li seħħ fl-2020.
Huwa mixli bl-omiċidju involontarju ta’ Lisa Marie Curmi, li mietet għaxart ijiem wara li kienet passiġġiera fuq mutur Harley Davidson li ħabat mal-karozza tiegħu.
Fix-xhieda tiegħu, Cutajar qal li dakinhar kien mar jaħsel il-karozza u meta kien qed joħroġ fit-triq prinċipali waqaf u ħalla karozza tgħaddi. Qal li wara ma ra l-ebda traffiku ġej u kompla jsuq, sakemm f’daqqa waħda sema’ ħabta qawwija.
Huwa qal li ħareġ mill-vettura u mar jara jekk xi ħadd kienx imweġġa’, u talab ambulanza. Sostna li ma jiftakarx aktar minn dak il-mument ‘il quddiem.
L-avukat tal-familja tal-vittma, Lennox Vella, innega l-verżjoni tiegħu u qal li minħabba l-layout tat-triq, huwa diffiċli toħroġ mill-carwash mingħajr ma taqsam iż-żewġ korsiji.
Il-prosekuzzjoni sostniet ukoll li xhud ieħor rat lill-imputat joħroġ b’mod li ostakola t-triq u ma ħalliex spazju għall-mutur.
Cutajar ċaħad dan kollu u nnega totalment l-istqarrija ta’ dan ix-xhud, u sostna li hija waslet fuq il-post wara li kien diġà seħħ l-inċident.
L-avukat Vella saħaq li l-manuvra kienet intrinsikament perikoluża u li anke l-filmat tac-CCTV juri l-mutur javviċina waqt li l-imputat kien qed joħroġ mill-carwash.
Cutajar baqa’ jinsisti li t-triq kienet vojta u li ma kienx joħroġ kieku ra xi vettura ġejja.
Il-każ ġie differit għat-12 ta’ Ġunju.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Clayton Camilleri, filwaqt li d-difiża qed titmexxa mill-avukat Dominic Micallef.
L-avukat Lennox Vella qed jirrappreżenta lill-familja tal-vittma.