Presedut mill-Imħallef Neville Camilleri, illum se jibda ġuri marbut mal-każ ta’ qtil f’Marsalforn, kważi erba’ snin wara l-inċident fatali li ħasad lill-pajjiż.
L-akkużat, Maher Aljasem, li kellu 24 sena fiż-żmien tal-inċident u llum għandu 28 sena, qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Fawez Najem waqt konfront vjolenti f’dar f’Marsalforn f’Mejju tal-2022. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Skont il-provi mressqa waqt il-kumpilazzjoni, Najem sofra daqqa ta’ sikkina fatali f’sidru li laqtet il-qalb. Il-Qorti kienet semgħet kif huwa ttieħed b’karozza lejn l-isptar, iżda miet minħabba t-telf ta’ demm waqt it-triq.
Matul il-ġuri, il-ġurija se tisma’ x-xhieda ta’ diversi persuni, kif ukoll esperti mediċi u forensiċi, sabiex tiġi stabbilita s-sekwenza tal-avvenimenti li wasslu għad-daqqa fatali.
Il-proċeduri mistennija jiffukaw fuq iċ-ċirkostanzi tal-konfront, inklużi l-avvenimenti li wasslu għall-inċident, l-azzjonijiet tal-akkużat, u jekk dawn kinux jammontaw għal difiża leġittima jew responsabbiltà kriminali.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-ġurija se tkun mitluba tagħti verdett dwar l-akkużi miġjuba kontra Aljasem wara li jintemm il-ġuri.