Il-Qorti tal-Maġistrati sabet lil Matthew Camilleri ħati ta’ diversi reati relatati ma’ serqa li seħħet fl-2020 f’ħanut f’San Pawl il-Baħar, filwaqt li lliberatu minn xi imputazzjonijiet oħra wara li evalwat il-provi fil-konfront tiegħu.
Is-sentenza, mogħtija fid-9 ta’ April 2026, tirrigwarda serqa mill-ħanut Eurostretcher fi Triq il-Mosta, li kienet seħħet bejn il-lejl tat-12 u t-13 ta’ Novembru 2020, fejn insterqu flus u diversi oġġetti oħra ta’ valur .
Il-Qorti waslet għal konklużjoni li Camilleri kien ħati tas-serqa aggravata, iżda mhux fir-rigward tal-aggravju marbut mal-ħin meta seħħ ir-reat. Instab ukoll ħati li għamel ħsara volontarja fil-ħanut, għalkemm taħt dispożizzjoni legali differenti minn dik indikata inizjalment mill-prosekuzzjoni.
Barra minn hekk, il-Qorti sabitu ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest f’żewġ każijiet separati, kif ukoll ikkonfermat l-istatus tiegħu bħala reċediv fid-dawl ta’ kundanni preċedenti.
Madankollu, mhux l-akkużi kollha wasslu għal kundanna. Il-Qorti lliberat lil Camilleri mit-tielet imputazzjoni, li kienet relatata ma’ nuqqas li jinforma lill-pulizija dwar pussess ta’ oġġetti misruqa, kif ukoll mis-sitt imputazzjoni marbuta ma’ ksur ta’ ordni ta’ probation .
Fil-qalba tal-każ kien hemm prova forensika, partikolarment il-fatt li d-DNA tal-imputat instab fuq ix-xena tar-reat f’diversi punti fil-ħanut. Il-Qorti osservat li dan kien element kruċjali, speċjalment peress li ma kienx hemm evidenza diretta bħalma huma filmati ċari tas-CCTV jew impronti diġitali li jorbtu lill-imputat mal-każ.
Fil-fażi tal-piena, il-Qorti tat piż sinifikanti lill-fatt li r-reati twettqu waqt li l-imputat kien diġà taħt kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u li kellu storja kriminali preċedenti. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, imponiet piena effettiva ta’ sitt snin ħabs.
Barra minn hekk, il-Qorti ordnat il-konfiska ta’ diversi garanziji relatati mal-ħelsien mill-arrest. Dawn jinkludu garanzija personali ta’ €10,000 imposta f’każ preċedenti, kif ukoll depożitu ta’ €5,000 u parti minn garanzija oħra ta’ €30,000, li minnhom ġew ikkonfiskati €5,000 favur il-Gvern.
Il-Qorti ordnat ukoll ir-revoka immedjata tal-ħelsien mill-arrest u l-arrest mill-ġdid tal-imputat, b’effett immedjat.
Fir-rigward tal-vittma, il-Qorti ordnat lil Camilleri jħallas kumpens ta’ €8,135.75 lil Aaron Formosa għall-ħsara u t-telf soffrut. Barra minn hekk, ġie ordnat iħallas €2,435.53 f’ispejjeż relatati mal-esperti involuti fil-każ.
Is-sentenza tinkludi wkoll ordni biex l-Avukat Ġenerali tingħata kopja tal-atti u tas-sentenza fi żmien sitt ijiem tax-xogħol.