Mhux ħati li seraq fliexken tal-inbid minn ħanut fl-Imsida
L-impjegati tal-ħanut allegatament kienu ngħataw parir mill-pulizija biex ma jbigħulux aktar alkoħol
More in Qrati u Pulizija
L-impjegati tal-ħanut allegatament kienu ngħataw parir mill-pulizija biex ma jbigħulux aktar alkoħol
Joe Maxwell ġie lliberat mill-akkużi kollha miġjuba kontrih, fosthom serq u ksur tal-ordni pubbliku, wara li l-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, sabet li l-provi mressqa ma kinux biżżejjed biex juru l-ħtija tiegħu skont il-liġi.
Maxwell, raġel ta’ 55 sena residenti Ħaż-Żabbar, kien mixli li bejn Jannar u Frar tal-2026 wettaq sensiela ta’ serqiet ta’ fliexken tal-inbid mill-ħanut “Happy Shopper” fl-Imsida. Huwa kien akkużat b’serq ta’ valur totali ta’ €28.74, kif ukoll ksur tal-ordni u l-paċi pubblika, sakra f’post pubbliku, li jgħix ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ, u li sar reċediv.
Fil-qorti, l-Ispettur Ian Azzopardi xehed li fil-5 ta’ Frar 2026 il-pulizija rċeviet rapport dwar serq ta’ nbid. Huwa ppreżenta filmati tas-CCTV relatati ma’ dak l-inċident biss, peress li filmati ta’ inċidenti oħra kienu laħqu tħassru, flimkien ma’ seba’ invoices li allegatament kellhom juru serqiet oħra matul Jannar.
Meta mistoqsi għaliex ir-rapport sar biss dwar l-aħħar każ, huwa qal li s-sidien tal-ħanut kienu ilhom jaħfrulu iżda ddeċidew jirrappurtawh meta nqabad fuq il-post.
Min-naħa tiegħu, is-sid tal-ħanut xehed li Maxwell kien klijent regolari li beda jieħu l-inbid mingħajr ma jħallas immedjatament. L-impjegati tal-ħanut allegatament kienu ngħataw parir mill-pulizija biex ma jbigħulux aktar alkoħol.
Xhud ieħor li jaħdem fil-ħanut, ikkonferma li Maxwell kien jieħu l-inbid mingħajr ma jħallas fil-pront, iżda sostna wkoll li f’diversi każijiet kien jirritorna l-għada biex iħallas, u li hu personalment kien jirċievi dawn il-ħlasijiet.
Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda ta’ Joanna Farrugia, uffiċjal tal-probation, li spjegat li Maxwell kien ilu taħt superviżjoni mill-2024. Hija qalet li kien hemm diffikultajiet biex jinżamm kuntatt miegħu, minħabba li kien spiss ibiddel in-numru tal-mowbajl u ma kellux indirizz fiss, għalkemm xi drabi kien jagħmel kuntatt hu stess.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Micallef Stafrace nnutat li l-provi dokumentati ppreżentati kienu biss fotokopji, u enfasizzat li l-aktar element kruċjali, dak tal-intenzjoni kriminali (mens rea), ma kienx ġie ppruvat.
Il-Qorti osservat li ma setgħetx teskludi l-possibbiltà li kien jeżisti xi forma ta’ ftehim bejn l-akkużat u s-sid tal-ħanut biex il-ħlas isir aktar tard, jiġifieri fuq kreditu.
Għaldaqstant, peress li l-livell ta’ prova meħtieġ fil-proċeduri kriminali ma ntlaħaqx, il-Qorti sabet lil Joe Maxwell mhux ħati u lliberatu mill-akkużi kollha.