Raġel ta’ 36 sena, Ian Zammit, residenti Żejtun u bħalissa bla xogħol, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrati fejn ġie akkużat b’pussess aggravat ta’ droga kokaina.
Ian Zammit ġie mixli b’pussess aggravat ta’ droga kokaina f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.
Zammit ġie akkużat ukoll li kiser tliet kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti fuqu f’Mejju 2024, Diċembru 2024 u Mejju 2025.
L-Ispettur Kelsey Bugeja qal fil-Qorti li s-sejba tad-droga rriżultat minn investigazzjonijiet relatati ma’ reat ieħor, li fih kienet involuta wkoll persuna oħra.
Waqt li kien qed joqgħod fil-lukanda,saret tfittxija fuq Zammit allegatament wasslet biex tinstab sustanza bajda suspettata kokaina. Tfittxija sussegwenti fil-kamra tal-lukanda, li kienet ibbukkjata f’ismu, wasslet għal aktar sejba tal-istess sustanza, kemm f’forma ta’ trab kif ukoll f’blokki żgħar.
L-ammont totali tad-droga misjuba ġie stmat għal madwar 41 gramma.
Wara li tlestew it-tfittxijiet, iż-żewġ persuni ġew skortati mill-Pulizija u arrestati.
Fil-Qorti, Zammit wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Kelsey Bugeja flimkien mal-AG Nadia Ciappara,
Min-naħa tad-difiża dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.
F’dan l-istadju, ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.