Raġel mixli b’aggressjoni vjolenti f’San Pawl il-Baħar jinżamm arrestat

Raġel qed jiffaċċja akkużi ta’ aggressjoni vjolenti f’San Pawl il-Baħar, b’każ mibni prinċipalment fuq l-identifikazzjoni tal-vittma u mingħajr evidenza ta’ CCTV, filwaqt li l-Qorti ċaħdet it-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest

Raġel Serb ta’ 35 sena, identifikat bħala Dusan Spasic, tressaq il-Qorti tal-Maġistrati akkużat b’aggressjoni vjolenti li allegatament seħħet f’San Pawl il-Baħar f’Lulju tal-2025. L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Ir-raġel deher dieħel fl-awla liebes ilbies protettiv mediku minħabba li bħalissa jinsab b’infenzzjoni li tista tittieħed jekk wieħed ikollu kuntatt mal-ġilda. 

Skont il-prosekuzzjoni, immexxija mill-avukat tal-Avukat Ġenerali Martina Calleja, il-vittma allega li kien aggredit minn diversi persuni f’waħda mit-toroq prinċipali ta’ San Pawl il-Baħar. Huwa sostna li sofra ġrieħi gravi, kif iċċertifikat minn ċertifikat mediku, u li insterqulu €50 waqt l-inċident.

Il-vittma qal li kien kapaċi jidentifika lill-akkużat wara li ra profil fuq Facebook li kien jikkorrispondi mal-persuna li attakkatu. Madankollu, huwa ma setax jidentifika lill-persuni l-oħra li allegatament kienu involuti fl-aggressjoni. Il-pulizija kkonfermaw li, mill-investigazzjonijiet li saru, ma ġewx identifikati persuni oħra.

Spasic, li ġie Malta permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew relatat ma’ każ ieħor, ġie arrestat wara li ngħata sentenza f’dak il-każ u nħareġ mandat ta’ arrest fuqu barra mill-awla tal-qorti.

Id-difiża, immexxija mill-avukat Yanica Barbara Sant, talbet għall-ħelsien mill-arrest, u argumentat li l-akkużat ilu jgħix Malta għal madwar tmien snin, għandu fedina penali nadifa u rabtiet stabbli mal-pajjiż. Qalet ukoll li l-akkużat dejjem ikkoopera mal-awtoritajiet u li n-nuqqas tiegħu li jirritorna Malta fil-passat kien dovut għal ċirkostanzi personali relatati mal-iskadenza tal-passaport u sitwazzjoni familjari, mhux biex jaħrab mill-ġustizzja.

Id-difiża sostniet ukoll li l-każ huwa mibni biss fuq il-verżjoni tal-vittma, li għad irid jixhed fil-qorti, u li m’hemm l-ebda filmati ta’ CCTV li jikkorroboraw l-allegazzjonijiet. Ġie enfasizzat li l-vittma allegatament intilef minn sensih waqt l-attakk, u għalhekk tqajmu dubji dwar kif seta’ jidentifika lill-akkużat.

Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, u sostniet li l-akkużi huma serji u li x-xhud ewlieni għadu ma xehedx. Ġie nnutat ukoll li l-akkużat ma kienx qed jattendi għal xi seduti tal-qorti fil-passat.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Tanya Sammut, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-proċeduri għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija