Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet appell imressaq mill-President tal-Malta Association for Professional Engineers (MAPE), Arthur Ciantar, li kien qed jikkontesta l-validità tal-Att XLVIII tal-2021 li emenda l-Att dwar il-Professjoni tal-Inġiniera (Kap. 321).
Il-każ kien appell minn sentenza tal-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili mogħtija fit-12 ta’ Frar 2025, li kienet diġà ċaħdet it-talbiet tal-assoċjazzjoni sabiex l-Att jiġi ddikjarat null u bla effett.
Ir-rikorrent sostna li l-liġi kienet għaddiet mill-Parlament mingħajr ma ġew osservati l-proċeduri u l-obbligi mandatorji tal-proċess leġiżlattiv u konsultattiv.
Il-kuntest tal-emendi
Mill-provi ppreżentati fil-kawża rriżulta li l-emendi fil-liġi dwar il-professjoni tal-inġiniera kienu saru wara li l-Kummissjoni Ewropea kienet bdiet proċeduri kontra Malta minħabba nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi fir-rigward ta’ professjonijiet regolati.
Il-proċess ta’ emenda beda wara li l-Kummissjoni Ewropea nediet infringement proceedings kontra Malta fl-2015, u dan wassal għal diskussjonijiet bejn il-Ministeru responsabbli, il-Bord tal-Professjoni tal-Inġiniera u l-Kamra tal-Inġiniera.
Fil-proċeduri quddiem il-qorti nstema’ xhieda li kien hemm diversi laqgħat u diskussjonijiet mal-istakeholders tal-professjoni dwar l-emendi proposti fil-liġi.
L-argumenti tal-appellant
L-Assoċjazzjoni sostniet li l-Att XLVIII tal-2021 għandu jitqies null għaliex, skontha, il-Parlament naqas milli josserva proċeduri mandatorji relatati mal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u mal-hekk imsejjaħ “proportionality test” qabel l-adozzjoni ta’ regolamenti ġodda għall-professjonijiet.
Ir-rikorrent argumenta wkoll li l-proċess leġiżlattiv ma setax jitkompla minħabba mandat ta’ inibizzjoni li kien inħareġ mill-Qorti kontra l-Bord tal-Professjoni tal-Inġiniera, li kien jipprojbixxi lill-Bord milli jippromwovi jew jippreżenta l-emendi lill-Parlament.
Id-deċiżjoni tal-qorti
Il-Qorti Kostituzzjonali qablet mal-konklużjonijiet tal-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili li ma kienx ġie ppruvat li l-Parlament naqas milli josserva l-proċeduri leġiżlattivi meħtieġa.
Mill-provi rriżulta li kien hemm konsultazzjonijiet mal-professjoni tal-inġiniera u li l-emendi kienu saru wkoll biex Malta tikkonforma mad-direttivi tal-Unjoni Ewropea.
Il-qorti osservat ukoll li l-mandat ta’ inibizzjoni kien indirizzat biss lill-Bord tal-Professjoni tal-Inġiniera u mhux lill-Parlament, u għalhekk ma kien hemm xejn li jwaqqaf lill-Parlament milli jkompli bil-proċess leġiżlattiv.
Fl-aħħar nett, il-qorti kkonkludiet li ma kienx ġie stabbilit li l-Att kien għadda bi ksur tal-proċeduri mandatorji, u għalhekk ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza tal-ewwel qorti.
Il-qorti ordnat ukoll li l-ispejjeż tal-kawża jitħallsu mir-rikorrent.