Meta l-familja ssir xena ta’ traġedja

Il-każ ta’ allegat attentat ta’ qtil fil-konfront ta’ żewġt itfal li qed jinstema’ fil-Qorti reġa’ fetaħ diskussjoni sensittiva dwar każijiet rari iżda xokkanti fil-kuntest Malti fejn tfal jispiċċaw vittmi ta’ vjolenza fi ħdan il-familja stess, u jqajjem memorji ta’ episodji oħra li ħasdu lill-pajjiż matul is-snin

Ir-Raġel akkużat b'attentat ta' qtil fil-konfront taż-żewġ uliedu jasal il-qorti nhar il-Ħamis (Ritratt: Juliana Zammit/MaltaToday)
Ir-Raġel akkużat b'attentat ta' qtil fil-konfront taż-żewġ uliedu jasal il-qorti nhar il-Ħamis (Ritratt: Juliana Zammit/MaltaToday)

Il-każ li qed jinstema’ bħalissa fil-Qorti tal-Maġistrati — fejn raġel ta’ 49 sena qed jaffaċċja akkużi relatati ma’ attentat ta’ qtil fil-konfront ta’ wliedu – reġa’ qajjem diskussjoni sensittiva dwar każijiet fejn tfal jispiċċaw vittmi fil-kuntest tal-familja stess.

Skont dak li nstema’ fil-Qorti, tifla ta’ għaxar snin instabet titlob l-għajnuna fi Triq il-Kosta u ttieħdet fl-Għassa ta’ San Ġiljan minn mara li sabitha. It-tifla allegat li missierha kien ipprova jifgaha u li kien qatel lil ħuha.

Il-Pulizija marru immedjatament fuq il-post fl-inħawi tal-White Rocks, fejn instab tifel b’diversi daqqiet f’rasu u f’qagħda kritika, b’ammont kbir ta’ demm u kważi mitluf minn sensih. It-tifel ġie ċċertifikat li kien fil-periklu tal-mewt.

Aktar tard ir-raġel instab fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq wara tfittxija intensiva. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u l-proċeduri għadhom għaddejjin.

Filwaqt li każijiet bħal dawn huma estremament rari fil-kuntest Malti, il-pajjiż ftakar f’xi episodji oħra fil-passat fejn tfal spiċċaw vittmi minn ġenituri jew nies viċin tagħhom.

Il-każ ta’ Ġiġa – Twannie Aquilina

Twannie Aquilina kellu tmien snin meta, fit-23 ta’ Awwissu 1960, instab maqtul fid-dar tal-familja tagħhom fil-Belt. Il-qtil tiegħu ħasad lill-pajjiż kollu, mhux biss minħabba l-età ċkejkna tiegħu, iżda wkoll minħabba l-brutalità tal-feriti li nstabu fuq ġismu. Ommu Luiġa “Ġiġa” Camilleri u Leli Camilleri — tressqu l-Qorti akkużati bil-qtil. 

Fil-ġuri, iż-żewġ akkużati nstabu ħatja: il-missier instab ħati u ngħata sentenza ta’ 20 sena priġunerija, filwaqt li l-omm ġiet ikkundannata għall-mewt, sentenza li aktar tard inbidlet għal għomor il-ħabs. Iżda minkejja l-verdett, dan il-każ baqa’ mdawwar b’dubji u mistoqsijiet li sal-lum għadhom ma nqatgħux għalkollox. 

Il-każ ta’ Nazzareno Dalli

Każ ieħor kien dak ta’ Nazzareno Dalli, li fl-2024 tressaq il-Qorti akkużat li pprova joqtol iż-żewġ bniet adolexxenti tal-eks sieħba tiegħu waqt attakk b’sikkina f’dar fil- Marsa. Skont dak li nstema’ fil-Qorti, il-vittmi kienu tfajliet ta’ 12 u 15-il sena, u l-iżgħar waħda sofriet ġrieħi gravi. Dalli wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. 

Fix-xhieda li ngħatat fil-kumpilazzjoni, it-tfal irrakkuntaw xena ta’ paniku u vjolenza kbira, b’waħda mill-bniet tispjega kif, wara li l-akkużat allegatament attakka lil oħtha, dar fuqha wkoll.

Realtà rari fil-kuntest Malti

Għalkemm dawn il-każijiet jibqgħu mnaqqxin fil-memorja kollettiva, il-verità hi li każijiet fejn ġenitur joqtol jew jipprova joqtol lil uliedu huma estremament rari f’Malta.

Meta jseħħu, madankollu, l-impatt tagħhom ikun enormi — mhux biss fuq il-familji involuti iżda wkoll fuq is-soċjetà kollha.

Il-każ li qed jinstema’ bħalissa fil-Qorti għadu fi stadju bikri u l-Qorti trid tisma’ l-provi kollha qabel tasal għal konklużjoni.

Iżda filwaqt li l-proċess legali għadu għaddej, il-każ reġa’ fetaħ diskussjoni sensittiva dwar traġedji rari li jinvolvu tfal u dwar kemm dawn il-każijiet jibqgħu jħallu marka profonda fil-memorja tal-pajjiż.

More in Qrati u Pulizija