Dewmien fil-ġustizzja: sentenza tixħet responsabbiltà fuq il-qrati, il-prosekuzzjoni u d-difiża

Sentenza mogħtija mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili tenfasizza fid-dettall kif proċeduri kriminali li damu kważi għoxrin sena kienu affettwati minndewmien attribwibbli mhux biss lill-Istat u lill-qrati, iżda wkoll lill-imputat u lid-difiża tiegħu.

Sentenza kostituzzjonali mogħtija f’kawża li kienet ilha pendenti għal kważigħoxrin sena tiddeskrivi b’mod estensiv kif id-dewmien fil-proċedurikriminali kien ir-riżultat ta’ nuqqasijiet u dewmien fuq diversi livelli, inklużil-qrati, il-prosekuzzjoni u anki d-difiża. 

Il-kawża tikkonċerna lil Emanuel Magri, li ressaq rikors kostituzzjonali fejnilmenta li nkiser id-dritt tiegħu għal smigħ fi żmien raġonevoli, kif garantitmill-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni u mill-Artikolu 6 tal-KonvenzjoniEwropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-proċeduri kriminali kontra Magri kienu bdew fl-2003 u ġew deċiżi b’mod finali mill-Qorti tal-Appell Kriminali fl-2023.  

Il-Qorti ddeċidiet li, filwaqt li l-kawża ma kinitx ta’ natura partikolarmentkumplessa, xorta waħda damu jgħaddu snin twal bejn stadju u ieħor tal-proċeduri. Fost il-fatturi identifikati kien hemm differimenti ripetuti tas-seduti, nuqqas ta’ notifiki korretti, problemi amministrattivi fil-Qorti, kif ukoll perjodi twal ta’ inattività. 

Is-sentenza tagħmel referenza speċifika għal diversi nuqqasijiet attribwibblilill-prosekuzzjoni, fosthom seduti posposti minħabba riferti negattivi tal-imputat jew tax-xhieda, nuqqas ta’ preparazzjoni f’ċerti stadji, u l-assenza ta’ uffiċjali jew xhieda f’dati stabbiliti. Il-Qorti nnutat ukoll dewmien marbutma’ diffikultajiet amministrattivi u bidliet fil-kompożizzjoni tal-qrati, li kkontribwew biex il-kawża ma mxietx b’ritmu adegwat. 

Fl-istess ħin, il-Qorti qalet li parti mid-dewmien kienet ukoll imputabbli lill-imputat u lid-difiża tiegħu. Is-sentenza ssemmi talbiet għal differimentiminħabba l-indisponibbiltà tad-difensur, nuqqas ta’ preparazzjoni f’ċertistadji, u seduti li fihom id-difiża ma dehritx jew ma kinitx lesta biex tkomplibil-proċeduri.  

Wara li eżaminat il-kawża kollha, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li kienhemm dewmien eċċessiv u irraġonevoli li għalih kienet responsabbli, b’modsostanzjali, l-Istat, minkejja li mhux id-dewmien kollu seta’ jiġi attribwit lilu. Il-Qorti kkalkulat li, wara li tneħħew il-perjodi attribwibbli lir-rikorrent, il-proċeduri xorta waħda damu madwar 18-il sena u nofs. 

Bħala rimedju, il-qorti ddikjarat li kien hemm ksur tad-dritt għal smigħ fi żmien raġonevoli u ordnat li r-rikorrent jingħata kumpens ta’ €18,500 f’danni mhux pekunjarji. Madankollu, irrifjutat li tħassar jew tvarja s-sentenza kriminali imposta mill-Qorti tal-Appell Kriminali, u qalet li t-tnaqqis fil-piena li kien diġà sar fl-appell ma kienx biżżejjed biex jitqiesbħala rimedju effettiv għall-ksur kostituzzjonali.  

Is-sentenza toffri stampa dettaljata tal-problemi strutturali u prattiċi li jistgħujwasslu għal dewmien serju fil-ġustizzja kriminali, u turi kif ir-responsabbiltà għal dan id-dewmien spiss tkun kondiviża bejn diversi atturifil-proċess ġudizzjarju. 

More in Qrati u Pulizija