Żagħżugħ ta’ 20 sena minn Bormla ġie rilaxxat b’conditional discharge għal perjodu ta’ tliet snin wara li ammetta quddiem il-qorti li kien involut f’inċident tat-traffiku li fih laqat mara u mbagħad telaq minn fuq il-post.
Nicky Gauci ammetta l-akkużi fil-konfront tiegħu relatati ma’ inċident li seħħ fis-17 ta’ Awwissu 2023. Il-prosekuzzjoni sostniet li l-imputat laqat lill-vittma, ikkawżalha ġrieħi u ma waqafx fuq il-post tal-inċident.
Fil-konfront tiegħu tressqu wkoll akkużi li kien qed isuq mingħajr liċenzja valida u mingħajr assigurazzjoni, kif ukoll li kien qed isuq b’mod traskurat.
Meta tat is-sentenza tagħha, il-Maġistrat Monica Vella qieset diversi fatturi li kienu favur l-imputat, fosthom il-fatt li għandu ċertifikat tal-kondotta nadif, li ammetta kmieni l-akkużi miġjuba kontrih u li kien ta kumpens lill-vittma. Il-qorti ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-età żgħira tiegħu.
Madankollu, il-maġistrat enfasizzat li ammissjoni bikrija tal-ħtija ma tfissirx li persuna awtomatikament tevita piena.
Għaldaqstant, il-qorti ddeċidiet li tagħti conditional discharge għal tliet snin, li jfisser li Gauci ma jistax jikkommetti reat ieħor matul dan il-perjodu. Barra minn hekk, ġie skwalifikat milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal 12-il xahar.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kurt Farrugia u Antonello Magri, filwaqt li Gauci kien irrappreżentat mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.