Ħames snin ħabs wara hold up f’ħanut taż-żraben
Il-vittma ta’ 66 sena sofra ġrieħi gravi waqt li pprova jwaqqaf żewġ aggressuri li daħlu fil-ħanut tiegħu bl-iskop li jisirquh
minn Ħaley Xuereb
It-Taljan Damiano Alfio Rannisi Torrisi ġie kkundannat ħames snin priġunerija u ordnat iħallas eluf ta’ ewro f’multi u kumpens wara li nstab ħati ta’ hold-up vjolenti fuq sid il-ħanut Pulo Shoe Manufacturer fir-Rabat fl-2015.
L-aggressjoni, li bdiet b’talba finta għaż-żraben, eskalat għal attakk brutali fejn il-vittma ta’ 66 sena ġie aggredit b’sikkina.
L-attakk fil-ħanut ir-Rabat
L-inċident seħħ fis-27 ta’ Novembru 2015, għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar, meta Torrisi u sieħbu Alessandro Gandolfo daħlu fil-ħanut Pulo Shoe Manufacturer fir-Rabat.
Skont ix-xhieda, wieħed minnhom qal lil sid il-ħanut, li dak iż-żmien kellu 66 sena, il-frażi bl-aċċent Taljan: “I want shoes”. Ftit mumenti wara bdiet l-aggressjoni.
Joseph Pulo xehed li Torrisi messlu żaqqu b’xi ħaġa tonda, li kawża ta’ hekk kien meħtieġ li wara jsirulu l-punti, u tefgħu mal-art, fejn beda jagħtih diversi daqqiet bis-sieq f’ġenbu.
Waqt li kien mal-art, Torrisi pprova jorbtu b’ċinga sewda f’tentattiv ċar ta’ sekwestru biex jisirquh.
Il-vittma offra reżistenza kontra l-aggressuri. Huwa qal li ta “10 daqqiet lill-imputat” biex jiddefendi ruħu.
F’mument minnhom, sabiex jipprova jinħeles, “qabad il-parti intima ta’ Torrisi u beda jiġbed”, u meta waqgħulu n-nuċċali, ipprova wkoll idaħħal subgħajh f’għajnejh.
Pulo saħansitra pprova juża bott spray fuq għajnejn l-aggressur, iżda dan ma ħadimx.
Minkejja r-reżistenza, l-aggressuri rnexxielhom jaħarbu b’madwar €2,500 li kienu lesti f’kaxxa taż-żraben biex jitħallas aġent taż-żraben.
Ġrieħi gravi u arma taqta’
L-eżamijiet mediċi wrew li Pulo sofra feriti fondi f’idejh, dislokazzjoni ta’ subgħajh ix-xellugija u ksur f’subgħajh il-leminija.
It-tabib forensiku Mario Scerri nnota “marka tipika ta’ defensive injury”, meta l-vittma qabad ix-xafra tal-istallett li kien qed jintuża minn Gandolfo biex jipproteġi ruħu.
Pulo xehed ukoll li meta wieħed mill-aggressuri waqagħlu n-nuċċali, innota li kellhom “maskla irqiqa jew make-up” fuq wiċċhom, peress li l-ġilda ma kinitx tidher naturali.
Madankollu, il-Qorti ddeċidiet li l-użu ta’ beritta u nuċċali tax-xemx ma jammontax għal maskra li tgħatti l-wiċċ, u għalhekk illiberatu minn dik l-akkuża partikolari.
L-arrest
L-investigazzjoni wasslet lill-pulizija għal appartament fil-Qawra, wara li fil-ħanut ta’ Torrisi f’San Pawl il-Baħar sabu kont tad-dawl li kien jindika dak l-indirizz.
Ftit ġimgħat qabel is-serqa, Torrisi kien għamel rapport mal-pulizija li kien insteraqlu l-ħanut tiegħu stess.
Meta l-pulizija marru jfittxuh, ommu inizjalment qalet li ma kinitx taf fejn jinsab, minkejja li kienet għadha kif għamlet kuntatt miegħu 35 minuta qabel. Meta nstab, Torrisi pprova jqarraq bil-pulizija billi qal li jismu Alfio Pappalardo, iżda mbagħad ippreżenta l-identità vera tiegħu.
Ix-xhieda tal-ko-akkużat
Alessandro Gandolfo, li kien weħel 80 xahar ħabs meta ammetta l-involviment tiegħu fis-serqa, xehed mill-Italja permezz ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.
Huwa ammetta li l-ġurnata ta’ qabel kienu għamlu użu minn kannabis u kokaina, u kkonferma li s-serqa ma kinitx ippjanata fit-tul, iżda ddeċidew li jagħmluha dakinhar stess għax kienu bla xogħol.
Gandolfo qal li “iddeċidew li jisirqu[h] il-ħanut għax kienu bla xogħol” u li żbaljaw it-tnejn,” filwaqt li spjega li qasmu l-flus nofs bin-nofs.
Il-Qorti ddeċidiet li ma tqisx l-istqarrijiet li Torrisi kien ta fl-2015 minħabba nuqqas ta’ assistenza legali waqt l-interrogazzjoni, sabiex ma jkunx hemm leżjoni tad-dritt għal smigħ xieraq.
Il-Piena
Torrisi nstab ħati ta’ serq aggravat, li kkawża ġrieħi ta' natura gravi fuq anzjan, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha, u reati relatati mas-sewqan mingħajr liċenzja u assigurazzjoni.
Minbarra ħames snin ħabs u multa ta' €3380, huwa ġie ordnat iħallas €2,500 f’kumpens lill-vittma fi żmien sitt xhur.
Huwa ġie skwalifikat milli jkollu liċenzja tas-sewqan għal sena.
Filwaqt li enfasizzat il-bżonn ta’ deterrent qawwi, speċjalment meta r-reati jsiru kontra persuni vulnerabbli, il-Qorti rrimarkat li l-piena m’għandhiex tkun forma ta’ vendikazzjoni, iżda trid tħares ukoll lejn ir-riabilitazzjoni tal-ħati u l-protezzjoni tas-soċjetà in ġenerali.
