Skont persuni qrib tiegħu, Mintoff mhux ser jirriżenja

L-Imħallef Lawrence Mintoff jinsab taħt investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura wara li bagħat ittra taħt ġurament lill-ministri b’allegazzjonijiet serji kontra l-Prim Ministru Robert Abela, iżda sorsi qrib tiegħu jgħidu li mhux se jirriżenja u lest “jiġġieled sal-aħħar”

Ritratt: James Bianchi/Illum
Ritratt: James Bianchi/Illum

L-Imħallef Lawrence Mintoff mhux se jirriżenja minkejja li qed jiffaċċja investigazzjoni dwar ksur possibbli tal-kodiċi tal-etika tal-ġudikatura wara li bagħat ittra privata lill-ministri b’allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ mġiba minn naħa tal-Prim Ministru Robert Abela.

Sorsi qrib l-imħallef qalu lil gazzetta oħt, MaltaToday li Mintoff huwa determinat jibqa’ fil-kariga tiegħu, anke jekk jaf li l-azzjonijiet tiegħu prattikament temmulu kull ċans li xi darba jinħatar Prim Imħallef. Skont l-istess sorsi, l-imħallef jemmen li poġġa l-karriera tiegħu f’riskju iżda xorta waħda se “jissaporti u jkompli”.

Fil-fatt, nhar l-Erbgħa Mintoff deher fil-qorti u ppresjeda numru ta’ kawżi li għadhom pendenti quddiemu.

Id-deċiżjoni ta’ Mintoff li jikteb direttament lill-ministri kienet bla preċedent u ħasdet lill-istabbiliment politiku. Huwa ġie rrappurtat lill-Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura, Toni Abela, mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti.

Il-kodiċi tal-etika tal-ġudikatura jipprojbixxi lill-membri tal-ġudikatura milli jikkomunikaw privatament mal-eżekuttiv fuq kwalunkwe materja relatata mad-dmirijiet tagħhom, ħlief permezz jew wara konsultazzjoni espliċita mal-Prim Imħallef. Barra minn hekk, il-kontroversja pubblika li nqalgħet wara li żvelat il-kontenut tal-ittra tista’ tfisser li Mintoff naqas milli josserva dispożizzjonijiet oħra tal-istess kodiċi.

Fl-ittra tiegħu, mibgħuta taħt ġurament, Mintoff informa lill-ministri dwar laqgħa li kellu mal-Prim Ministru f’Kastilja dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef. Huwa allega li Abela qallu li mhux se jagħżel l-ebda wieħed mill-erba’ ismijiet proposti mill-Oppożizzjoni. Mintoff kien wieħed mill-imħallfin proposti mill-Oppożizzjoni.

Skont l-imħallef, Abela ried ukoll idewwem il-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid sa wara l-elezzjoni ġenerali minħabba nuqqas ta’ serenità fil-klima politika.

L-aktar allegazzjonijiet serji, però, jirrigwardaw l-imġiba allegata ta’ Abela bħala avukat fil-każ tal-Paqpaqli għall-Istrina ta’ tmien snin ilu. Mintoff sostna li Abela, li kien qed jirrappreżenta waħda mill-partijiet f’kawża ta’ danni mressqa minn vittmi ta’ inċident fatali waqt l-avveniment ta’ karità, għamel pressjoni fuq impjegata tal-qorti u saħansitra heddidha li setgħet titlef xogħolha.

Għalkemm il-każ kien ġie rtirat wara ftehim barra l-qorti, Mintoff stabbilixxa t-tassazzjoni tal-ispejjeż tal-qorti fl-inqas livell. Skont l-imħallef, Abela kien qed jikkontesta din id-deċiżjoni u pprova jeżerċita pressjoni indebita fuq impjegata fl-uffiċċju tiegħu. Dak iż-żmien, Abela kien deputat parlamentari u kien jaħdem bħala avukat.

Mintoff qal li rrifjuta li jċedi għall-pressjoni iżda ammetta li ma rrappurtax l-episodju lill-awtoritajiet kompetenti dak iż-żmien. Meta Abela sar Prim Ministru fl-2020, Mintoff sostna li kkonfrontah dwar il-każ waqt żjara ta’ kortesija fil-Qrati, iżda Abela ċaħad l-importanza tal-kwistjoni u sejħilha “ilma li għadda minn taħt il-pont”.

L-imħallef sostna li r-rifjut tiegħu li jagħti widen għat-talbiet ta’ Abela fil-każ tal-Paqpaqli kien ir-“raġuni vera” għaliex il-Prim Ministru ma riedx jinnominah bħala Prim Imħallef.

Skont il-Kostituzzjoni, l-investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura trid issir wara bibien magħluqa. Jekk jinstab li hemm biżżejjed evidenza prima facie biex jinbdew proċeduri dixxiplinari, il-kummissarju għandu jikkomunika s-sejbiet tiegħu bil-miktub lill-Prim Imħallef u lill-Ministru tal-Ġustizzja. Il-kummissarju ma jistax jiddeċiedi dwar il-ħtija, u Mintoff se jingħata l-opportunità jagħmel il-każ tiegħu.

Kull miżura dixxiplinari trid tittieħed minn sottokumitat tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, korp kostituzzjonali mmexxi mill-President tar-Repubblika Miriam Spiteri Debono. Is-sottokumitat se jkun magħmul minn tliet imħallfin eletti minn sħabhom, u l-proċeduri kollha jsiru wkoll wara bibien magħluqa. Il-pieni jistgħu jvarjaw minn twissija jew multa sa sospensjoni jew, fl-aktar każijiet gravi, it-tneħħija mill-kariga.

Intant, l-NGO Repubblika ressqet ilment separat quddiem il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex jiġu investigati l-allegazzjonijiet serji magħmula taħt ġurament minn Mintoff kontra l-Prim Ministru. Din l-investigazzjoni se tkun distinta minn dik relatata mal-kodiċi tal-etika tal-ġudikatura u se teżamina, fost oħrajn, allegat pressjoni fuq impjegata tal-qorti, komunikazzjonijiet privati ma’ imħallef dwar ħatriet ġudizzjarji u konsiderazzjonijiet politiċi fil-ħatra tal-Prim Imħallef.

More in Qrati u Pulizija