Koppja mixlijin wara argument li nqala’ bejniethom f’San Ġwann

Mara tingħata probation ta’ tliet snin filwaqt li r-raġel jinħeles mill-arrest

Mara ta’ 23 sena, li tgħix in-Naxxar, u raġel li jgħix San Ġiljan, tressqu il-Qorti akkużata b’numru ta’ reati marbuta ma’ argument li nqala’ bejniethom nhar is-7 ta’ Jannar.

L-imputata ġiet akkużata li bejn it-8.00 ta’ filgħodu u d-9.30 ta’ filgħodu, f’San Ġwann, volontarjament għamlet ħsara lil oġġetti mobbli u immobbli tiegħu, b’valur li jaqbeż il-€250 iżda ma jaqbiżx it-€2,500, bi ksur tal-Artikolu 325(1)(b) tal-Kodiċi Kriminali. Filwaqt li r-raġel ġie akkużat illi kiser ordni ta’ libertà kondizzjonali. 

Barra minn hekk, il-mara ġiet akkużata li heddet u insultat, bil-għan li tinġurja, iddejjaq jew tagħmel ħsara.  Fil-Qorti nstab li l-eks maħbub kien għamel rapport mad-Domestic Violence Unit wara li l-argument eskala. Skont il-prosekuzzjoni, l-imputata tefgħet nail polish fuq il-karozza tiegħu u kif ukoll kisret xi pjanti. 

Min-naħa tagħha, l-akkużata kkooperat mal-awtoritajiet u ammettiet li kienet ħatja li kissret il-pjanti, u sostniet li dan seħħ wara li l-vittma allegatament kissrilha l-mobile.  L-imputata kellha ordni ta’ trażżin favuriha, li dan ġie miksur min-naħa tal-akkużat. 

Ġie kkonfermat ukoll li l-imputata għandha fedina penali nadifa.

Għall-imputata, il-qorti qieset li piena ta’ karċerarja ma kinitx xierqa f’dan il-każ u minflok ordnat ordni ta’ probation ta’ tliet snin. Barra minn hekk, ġiet imposta ordni ta’ trażżin favur ir-raġel għall-istess perjodu ta’ tliet snin, b’avviż ċar li kwalunkwe ksur ta’ din l-ordni jista’ jwassal għal sentenza aktar iebsa fuq ir-reat oriġinali. 

F’isem l-akkużat, il-Qorti laqgħet it-talba ta’ ħelsien mill-arrest fuq ċertu kundizzjonijiet, li jidher kull darba quddiem il-Qorti meta jissejjaħ, li ma jistax isiefer jew javviċina x-xhieda tal-prosekuzzjoni, u li jirrapporta l-għassa ta’ San Ġiljan kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis bejn is-6 ta’ filgħodu u d-9 ta’ filgħaxija. Sar id-depożitu tal-passaport u l-karta tal-identità tiegħu, fuq garanzija personali ta €10,000. 

L-ismijiet tal-mixlijin ma ġewx ippubblikati minħabba l-protezzjoni tat-tfal li għandhom flimkien. 

Maġistrata Nadia-Helena Vella ppresediet fuq is-seduta. 

Avukat difensur Francois Dalli deher għal isem l-akkużata bħala għajnuna legali, filwaqt li Anthea Bonnici Zammit u Franco Debono deheru għal isem l-akkużat.  

Spettur Omar Zammit ipprosekuta.

More in Qrati u Pulizija