Il-Qorti ċaħdet ħelsien mill-arrest fuq serq ta’ furketta

Mara ta’ 50 sena ġiet mixlija quddiem il-Qorti tal-Maġistrati b’serq ta’ oġġetti minn ħanut f’Tas-Sliema, b’valur li ma jaqbiżx it-€232.92

Il-każ imur lura għat-28 ta’ Novembru 2025, għall-ħabta tat-8.30 ta’ filgħaxija, meta skont il-prosekuzzjoni, l-imputata ġiet innutata permezz tal-kameras tas-sigurtà f’ħanut Tas-Sliema tieħu xi oġġetti mill-ixkafef u titlaq mingħajr ma tħallas għalihom.

Il-każ ġie rrappurtat fl-għassa tas-Sliema fit-18 ta’ Diċembru, u konsegwentament inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tagħha. Ġie spjegat li l-imputata kienet diġà taħt kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest relatati ma’ każ tal-2021, u kellha tiffirma regolarment fl-għassa tal-Belt Valletta, ħaġa li allegatament naqset milli tagħmel f’ċerti okkażjonijiet.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Elton Buckingham, akkużatha b’serq sempliċi, reċidiva fid-dawl ta’ sentenzi preċedenti li saru definittivi, kif ukoll bi ksur ta’ kundizzjonijiet imposti fuqha. 

Min-naħa tad-difiża, hi ressqet talba għall-ħelsien mill-arrest, u sostniet li l-każ mhuwiex wieħed gravi, partikolarment fid-dawl tal-valur baxx tal-oġġetti allegatament misruqa, li skont id-difiża kien ta’ madwar €33 u kien jinkludi affarijiet bħal furketta u blower tax-xagħar. 

Id-difiża enfasizzat ukoll li l-imputata hija persuna vulnerabbli u omm ta’ tfal minorenni, u li l-priġunerija ma sservix ta’ ġid la għaliha u lanqas għas-soċjetà. Minflok, ġie argumentat favur proċess ta’ riabilitazzjoni u integrazzjoni soċjali. Ġie rrilevat ukoll li f’April tal-2025 kienet suġġetta għal ordni ta’ trattament relatat ma’ vizzju tad-droga, li bħalissa qed tiġi segwita, u li llum il-ġurnata m’għandhiex problema attiva ta’ abbuż minn sustanzi.

L-imputata wieġbet mhux ħatja.

Intqal ukoll li l-imputata ma reġgħetx marret fil-ħanut minn dakinhar tal-allegat inċident u li meta l-pulizija bdew ifittxuha, hi marret volontarjament għand l-awtoritajiet. 

Maġistrata Nadia Helena Vella ċaħdet ħelsien mill-arrest fuq il-mertu li l-qorti ma għandhiex is-serħan tal-moħħ li l-imputata ħa tobdi ir-regoli mogħtija lilha. Il-qorti ordnat li l-akkużata tibqa’ taħt l-arrest sas-seduta li jmiss. 

L-isem l-imputata ma ġewx pubblikati minħabba li hija persuna vulnerabbli, kif ukoll f’isem it-tfal li għadhom taħt l-età. 

Spettur Elton Buckingham ipprosekuta.

Avukati difensuri Yanica Barbara Sant u Matthew Xuereb dehru għall-imputata.

More in Qrati u Pulizija