Żewġt irġiel arrestati b’rabta ma’ serqa vjolenti f'Raħal Ġdid

Nhar il-Ħamis, il-pulizija qalet li arrestat liż-żewġ suspettati wara analiżi ta’ għadd ta’ filmati tas-sigurtà

Żewġt irġiel, ta’ 37 u 35 sena, residenti Ħal Qormi, ġew identifikati u arrestati fl-aħħar sigħat b’rabta ma’ serqa vjolenti li seħħet fil-jiem li għaddew fil-konfront ta’ mara.

Skont il-pulizija, il-każ seħħ fil-11 ta’ Diċembru, għall-ħabta tat-8.00 ta’ filgħodu, meta l-awtoritajiet ġew infurmati li mara nstabet mal-art b’xi ġrieħi f’parkeġġ viċin iċ-Ċimiterju tal-Addolorata f'Raħal Ġdid.

Mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-vittma, mara ta’ 43 sena, kienet għaddejja bil-mixi fiż-żona meta allegatament ġiet attakkata minn wara minn raġel liebes maskra, li serqilha l-basket. Fil-basket kien hemm mobile phone u ammont ta’ flus kontanti.

Wara s-serqa, ir-raġel allegatament daħal f’karozza li kienet qed tistennieh, li fiha kien hemm persuna oħra, u ħarbu minn fuq il-post.

Il-mara ttieħdet fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Raħal Ġdid għall-kura, fejn ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ħfief.

Wara investigazzjoni estensiva u analiżi ta’ diversi filmati ta’ kameras tas-sigurtà, il-pulizija rnexxielha tidentifika kemm l-allegat ħalliel kif ukoll is-sewwieq tal-vettura u arrestathom.

Iż-żewġt irġiel mistennija jitressqu quddiem il-Qorti llum, għall-ħabta tas-1.30pm, quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.

More in Qrati u Pulizija