Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet appell imressaq mill-Avukat Ġenerali fil-konfront ta’ Carlos Falzon, wara li kkonkludiet li l-Qorti tal-Maġistrati wettqet żball serju meta ma imponiet l-ebda piena għal ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Id-deċiżjoni tal-ewwel qorti, li kienet ingħatat fit-30 ta’ Settembru 2025, ġiet revokata, u l-każ issa ntbagħat lura quddiem il-Qorti tal-Maġistrati sabiex tiġi imposta sentenza skont il-liġi.
Falzon kien ammetta li kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu tpoġġew fuqu f’Ottubru 2024 — fosthom li ma jwettaqx reat volontarju u li jmur jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa taż-Żejtun. Hu kien akkużat ukoll bħala reċediv minħabba kundanna preċedenti fl-2021.
Għalkemm il-Qorti tal-Maġistrati sabitu ħati, iddeċidiet biss li tikkonfiska nofs il-garanzija ta’ €1,000 imħallsa minn Dylan Falzon bħala garanti, u ma imponiet l-ebda piena oħra.
F'ilment l-Avukat Ġenerali sostna li s-sentenza kienet legalment żbaljata, billi l-liġi tesiġi li kull min jiksur kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest jiġi ikkastigat b’multa, ħabs jew it-tnejn, barra l-konfiska tal-garanzija. Il-Qorti tal-Appell qablet kompletament, u qalet li s-sentenza tal-ewwel qorti kienet “inkompleta” u għalhekk mhix konformi mal-liġi.
Il-Qorti osservat li konfiska weħidha ma tissodisfax ir-rekwiżit legali. Żiedet tgħid li l-Maġistrat kellu l-obbligu japplika l-pieni kollha previsti mil-liġi u li n-nuqqas ta’ multa jew piena detentiva kien żball ċar.
Għalkemm fil-kawża oriġinali kienet ssemmiet il-possibilità ta’ ordni ta’ probation, il-Qorti tal-Appell rrimarkat li l-Maġistrat la kien obbligat joħroġha u lanqas għamilha, u b’hekk ma ġiet imposta ebda piena apparti l-konfiska.
Fil-konklużjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell ħalliet intatt id-dritt tal-akkużat għal żewġ gradi ta’ ġurisdizzjoni, iżda ordnat li l-proċedura terġa’ lura għall-istadju ta’ qabel is-sentenza sabiex Falzon jingħata piena valida u skont il-liġi.
Is-sentenza tal-appell ingħatat mill-Imħallef Neville Camilleri.