Sid ħanut tal-fjuri mmultat għal bejgħ mingħajr irċevuti

Bejjiegħ tal-fjuri mmultat talli naqas milli joħroġ irċevuti fiskali wara spezzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa fiċ-Ċimiterju tar-Rabat

Sid ħanut tal-fjuri minn Ħal Qormi, Raymond Buhagiar, ġie mmultat wara li uffiċjali tat-Taxxa  sabu li kienu qed isiru bejgħ mingħajr ma jinħarġu irċevuti fiskali waqt spezzjoni mhux mħabbra fil-Ċimiterju tar-Rabat.

Il-każ seħħ fit-27 ta’ Ottubru 2024, meta uffiċjali tal-MTCA nnotaw li l-istand tal-fjuri ma kellu ebda cash register, ebda receipt book approvat, u lanqas sistema li kapaċi toħroġ irċevuti kif titlob il-liġi taħt l-Att dwar il-VAT.

L-ispetturi Christopher Spiteri u Chris Saliba xehdu li raw bejgħ ta’ bukkett ta’ €3 minn Osman Jobe, li kien qed jaħdem fuq il-post, mingħajr ma nħareġ irċevuta.

Għalkemm Buhagiar ma kienx preżenti waqt l-ispezzjoni u għażel li ma jixhidx, il-qorti nnutat li n-negozju kien irreġistrat f’ismu, u għalhekk hu jibqa’ responsabbli legalment għal kull bejgħ u konformità fiskali taħt dik ir-reġistrazzjoni.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace qalet li x-xhieda tal-ispetturi kienet konsistenti, kredibbli u biżżejjed sabiex tipprova l-irregolaritajiet allegati.

Buhagiar għalhekk instab ħati li kiser l-obbligi tiegħu bħala persuna irreġistrata mal-Kummissarju tat-Taxxa u ġie mmultat €1,200.

More in Qrati u Pulizija