Nirien fl-iscrapyard taż-Żejtun

Residenti qrib Tal-Barrani ġew mitluba biex jagħlqu l-bibien u t-twieqi minħabba d-duħħan tossiku min-nirien

Nar qawwi ġie rappurtat wara nofsinhar ta’ l-Erbgħa fl-iscrapyard fiż-Żejtun, viċin Triq Tal-Barrani.

Kelliema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kkonfermat l-inċident ma’ din il-gazzetta b’uffiċjali diġà fuq il-post qed jaħdmu biex jikkontrollaw il-fjammi.

Filmati mibgħuta lil gazzetta, oħt, MaltaToday juru sħab kbir ta’ duħħan iswed jitla’ mill-inħawi, li kien jidher anke mill Marsa, viċin it-trakka tat-tiġrijiet tal-karozzi.

Il-ħruq ikkawża wkoll konġestjoni kbira fit-traffiku fiż-żona, b’apparat ta’ navigazzjoni bħal Waze diġà jindika traffiku qawwi madwar Triq Tal-Barrani u t-toroq tal-madwar.

F’intervent fil-Parlament aktar tard waranofsinhar, il-Ministru għall-Affarijiet Interni Byron Camilleri kkonferma l-inċident u ddeskriva l-fjammi bħala “kbar ħafna”, b’karozzi u partijiet ta’ vetturi mqiegħda waħda fuq oħra – fattur li qed jagħmilha aktar diffiċli għall-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili biex jikkontrollaw in-nar.

Il-Ministru Camilleri appella lir-residenti tal-lokalitajiet fil-viċin sabiex jagħlqu t-twieqi u l-bibien, peress li d-duħħan jista’ jkun tossiku.

Il-ħidma tal-uffiċjali qed tkompli biex jintefa in-nar u jiġu evitati aktar ħsarat.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej

More in Qrati u Pulizija