Raġel ta’ 39 sena mill-Furjana ttieħed l-isptar wara inċident tat-traffiku li seħħ illum wara nofsinhar f’San Pawl il-Baħar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1:30 p.m. fi Triq Dawret San Pawl. Skont informazzjoni li ġabret din il-gazzetta, mutur ta’ Transport Malta kien wieqaf u qed jagħlaq parti mit-triq minħabba xi tixrid ta’ żejt. Fuq dan il-mutur ma kien hemm ħadd fil-ħin tal-inċident.
Il-vittma, li kien qed isuq mutur tat-tip Honda, baqa’ dieħel fil-mutur ta’ Transport Malta. Huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku fuq il-post u ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura, bil-kundizzjoni tiegħu għada mhux magħrufa.