Żagħżugħ jammetti li saq b’mod traskurat f'Pembroke mingħajr liċenzja

 

Id-difiża qalet lill-qorti li din kienet l-ewwel darba li Bartolo kien qed isuq u  kien għadu qed jitgħallem, peress li s-sid tal-karozza kien bilqiegħda fis-seat tal-passiġġier.

Sewwieq ta’ BMW ta’ 19-il sena ammetta li saq b’mod traskurat t f’żoni residenzjali waqt li kienu għaddejjin in-nies f'attivita tal-Halloween.

Iverson Bartolo ġie akkużat ukoll li saq mingħajr liċenzja u assigurazzjoni, u se jingħata s-sentenza fl-4 ta’ Novembru fid-9 ta' filgħodu.

Il-prosekuzzjoni qalet li ż-żagħżugħ, li jgħix fil-Mellieħa, nqabad minn rondi tal-pulizija f’Pembroke għall-ħabta tal-10:30 ta' filgħaxija.

Hawnhekk, il-pulizija nnutat BMW issuq b’mod perikoluż fi Triq Tobruk, hekk kif tfal u żgħażagħ kienu qed jaqsmu t-triq.

Ladarba l-pulizija ordnat lis-sewwieq biex iwaqqaf, il-BMW dehret issuq b'aktar veloċita lejn żona residenzjali, saħansitra saqet f'toroq one way.

Il-karozza mbagħad instabet ħdejn il-Bajja ta’ San Ġorġ hekk kif is-sewwieq ipprova jaħrab bil-mixi, iżda ġie arrestat ftit wara.

Il-prosekuzzjoni spjegat ukoll li s-sid tal-karozza kien fis-seat tal-passiġġier.

Id-difiża qalet lill-qorti li kienet l-ewwel darba li Bartolo nqabad isuq. 

Il-Maġistrat Charmaine Galea infurmat lil Bartolo li l-akkużi li ffaċċja jistgħu jwassluh għall-ħabs kif ukoll għal multa.

Iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena ammetta l-akkużi u se jingħata s-sentenza fil-jiem li ġejjin. Sadanittant, se jinżamm arrestat.

More in Qrati u Pulizija