Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li allegatament ħasel €110,000

Il-flus allegatament kienu ġejjin minn użu ħażin ta' fondi ta' fondazzjoni ta' karità

Raġel mill-Madliena ċaħad l-akkużi mressqa fil-konfront tiegħu rigward użu ħażin ta’ aktar minn €110,000 minn fondazzjoni ta’ karità, Wens Foundation, li seraq jigger mill-fondazzjoni, li ffalzifika irċevuti, kif ukoll ħasil ta’ flus.

Ir-raġel ta’ 49 sena kien imressaq taħt arrest quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana it-Tnejn 28 t’Awwissu. Meta mistoqsi x’jaħdem, hu wieġeb li kien se jibda impjieg ma’ kumpanija tal-investiment Russa fejn taħdem il-mara tiegħu.

L-Ispettur Hubert Cini, flimkien mal-avukati Marthese Ellul Grech u Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qalu kif l-akkużat kien ħasel dawn il-flus bejn Marzu u Novembru  tal-2018.

L-avukat tad-difiża Martin Fenech talab għall-ħelsien mill-arrest, fejn saħaq li l-akkużat jgħix, kien jaħdem u għandu negozju f’Malta. Il-prosekuzzjoni ma sabitx oġġezzjoni iżda talbet sabiex ikunu imposti kundizzjonijiet stretti.

Huwa ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt il-kundizzjonijiet li ma jistax iħalli Malta jew javviċina l-ebda xhud. Apparti minn hekk, hu kien ordnat jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa kif ukoll li jidħol id-dar f’ħin stipulat. Ġie ordnat iħallas depożitu ta’ €8000, kif ukoll jagħmel garanzija personali ta’ €30,000. L-assi tiegħu ġew iffriżati.

Dan qajjem inċertezza għal kif l-imputat se jkun jista’ jħallas id-depożitu.

More in Qrati u Pulizija