‘L-għasses tal-Pulizija f’erba’ lokalitajiet jinfteħu skont l-esiġenzi’

Numru ta’ lokalitajiet qed ikollhom jagħmlu użu minn intercom li tagħti aċċess għall-Kwartieri tal-Pulizija minflok jitkellmu ma’ Uffiċjali fl-għassa tal-lokalità tagħhom, hekk kif skont il-Ministru Byron Camilleri, dawn jinfetħu biss ‘meta l-esiġenzi tas-servizz hekk jiddettaw’

Ħal Tarxien, Ħal Għaxaq, Santa Luċija u l-Gudja huma fost il-lokalitajiet fejn l-għasses tal-Pulizija jinfetħu “meta l-esiġenzi tas-servizz hekk jiddettaw.” Minkejja dan, is-sena li għaddiet, f’dawn il-lokalitajiet saru total ta’ 150 rapport ta’ serq bejniethom. 

Dan ġie żvelat minn mistoqsijiet Parlamentari li għamel il-Kelliem għall-Oppożizzjoni għar-Riformi Kostituzzjoniali, Carmelo Mifsud Bonnici lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Byron Camilleri. 

Fil-fatt, hawn ħareġ li minn dawn l-erba’ lokalitajiet, il-Gudja kellha l-aktar rapporti ta’ serq b’57 rapport, li ġiet segwita minn Ħal Tarxien b’47 rapport ta’ serq. Dan filwaqt li saru wkoll 29 u 17-il rapport f’Ħal Għaxaq u Santa Luċija rispettivement.  

F’risposti kważi identiċi għall-mistoqsijiet marbuta mal-għases ta’ Ħal Tarxien, Ħal Għaxaq, Santa Luċija u l-Gudja, il-Ministru Byron Camilleri stqarr li ma’ dawn l-għasses hemm sistemi ta’ intercom, li bihom, wieħed jista’ jagħmel kuntatt dirett mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija f’kull ħin fil-ġurnata kuljum. Camilleri qal ukoll li dawn il-lokatijiet huma koperti u jintlaħqu mir-rondi regulari li jsiru mill-membri tar-Rapid Intervention Unit (RIU)  u anke l-Pulizija tad-Distrett “skont il-ħtieġa u disponibilità”. 

Minkejja dan, wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li l-Pulizija tad-Distrett ikollhom ħafna aktar rapporti li jridu jaħdmu fuqhom. Fil-Parlament ukoll, ħareġ li ċertu lokalitajiet fl-2022 raw ħafna aktar rapporti ta’ serq. Fosthom, f’Raħal Ġdid saru 149 rapport, fiż-Żejtun saru 124 rapport u Wied il-Għajn ra 87 rapport ta’ serq. 

Camilleri spjega wkoll li dawn f’lokalitajiet kollha huwa previst li jkun introdott is-servizz ta' Pulizija tal-Komunità, liema Pulizija tal-Komunità mistennija jinfirxu f’kull lokalità f’Malta u Għawdex sal-aħħar ta’ din is-sena. 

Tul iż-żmien, il-Gvern daħħal fis-seħħ diversi riformi marbuta mal-Korp tal-Pulizija, iżda maż-żmien, l-istat tal-Korp mhux l-ewwel darba li kien suġġett għal kritika ħarxa. F’Lulju tal-2022, l-għassa ta’ San Ġiljan, dik tal-Imsida u anke tal-Belt Valletta kienu lkoll soġġetti għall-kritika minħabba l-istat diżastruż li kienu jinsabu fihom.  

Fosthom, ħareġ fil-midja kif dawn l-għases kienu mimlija bi ħġieġ imkisser, wires tad-dawl mhux installat kif suppost, u anke ħsarat fis-suffett, liema kundizzjonijiet jagħmluha ferm aktar diffiċli li Uffiċjal tal-Pulizija jaqdi dmirijietu għal 12-il siegħa f’dawn l-istess għases. 

More in Qrati u Pulizija