Il-gazzetta ILLUM tirbaħ libell kontra Randolph Spiteri

Il-Qorti ddeskriviet ix-xhieda ta’ Spiteri bħala waħda inkonsistenti, filwaqt li rrimarkat li l-aġir ta’ Spiteri fil-ħabs jikkonferma dak li nkiteb fl-artiklu ta’ din il-gazzetta

Il-Qorti ċaħdet libell miftuħ mill-eks Assistent Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Randolph Spiteri kontra l-gazzetta Illum, rigward rapport tal-Illum dwar it-trattament degradanti ta’ Spiteri kontra priġuniera.

Spiteri kien fetaħ libell kontra l-ġurnalist Yendrick Cioffi, Saviour Balzan, u anke kontra l-eks gwardjan tal-ħabs, Emmanuel Cassar, li spjega l-aġir ta’ Spiteri f’intervista mal-Illum. Hawn, huwa kien irrakkonta każ partikolari ta’ priġuniera, li wara xi żmien tieħu t-trattament fl-Isptar Monte Carmeli, il-gwardjani, b’mod partikolari Randolph Spiteri bdew jiżżufjettaw biha.

Fil-Qorti, Spiteri, li dak iż-żmien kien il-Kap tal-Amministrazzjoni u l-Operat fil-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin, xehed li qatt ma tratta priġunieri b’mod ħażin, iżda kien ta’ spalla għalihom u kien jgħinhom isibu xogħol meta jibda joqrob it-tmiem tas-sentenza tagħhom.

Spiteri kien qal li dak li ntqal waqt l-intervista mal-Illum m’huwiex minnu, tant li skontu, lanqas kien jaf għal liem persuna qed jirreferi l-artiklu.

Din ix-xhieda ma kkonvinċietx peró lill-Maġistrat Rachel Montebello. Fil-fatt, il-Qorti stqarret li minn dak li ntqal fix-xhieda, Spiteri wera li kien jaf bl-inċident u l-identità tal-priġuniera. 

Fil-Qorti, Emmanuel Cassar kien xehed li darba minnhom, il-priġuniera kellha tittieħed lejn l-Isptar Mater Dei biex jitneħħew katnazz u xfafar mill-parti tagħha, filwaqt li Spiteri u żewġ gwardjani oħra eskortawha. Cassar xehed li waqt li kienet fuq l-istretcher Spiteri beda jiżżufjetta bil-priġuniera, u meta semgħatu, hija insulentatu lura.

Meta hija waslet lura fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Spiteri kien ordna li hija titpoġġa’ f’kamra mingħajr ħwejjeġ ħlief qalziet ta’ taħt, u hija baqgħet maqfula fiċ-ċella ż-żgħira għal diversi jiem. Cassar kien stqarr li huwa kien preżenti meta darba minnhom, Spiteri staqsiha kif qed tħossha bil-qalziet ta’ taħt biss.

Il-Qorti qalet li hija temmen dak li qal Cassar ferm aktar minn dak li qal Spiteri, li ddeskriviet bħala mhux konsistenti. Apparti minn hekk, il-Qorti stqarret li l-aġir ta’ Spiteri jikkonferma dak li nkiteb fl-artiklu tal-Illum.

Għalhekk, il-Qorti ċaħdet dan il-libell, u ordnat lil Spiteri biex iħallas l-ispejjeż tal-proċeduri.

More in Qrati u Pulizija