Seraq biex jintbagħat il-ħabs u jikkonfronta ħabsi ieħor

Erba' serqiet f'xahrejn... L-avukat difensur jgħid li dan kollu għamlu biex jiġbed l-attenzjoni u li għandu bżonn l-għajnuna

Raġel ta' 57 sena mill-Belt Valletta saħaq li seraq biex jintbagħat il-ħabs u jkun jista' jikkonfronta ħabsi ieħor. Iżda imbagħad ftit wara ċaħad l-akkużi kollha kontrih u qal li mhuwiex ħati. 

Huwa qiegħed jiġi akkużat li għamel erba' serqie: Fis-16 ta' Frar, fil-11 ta' Marzu, fil-25 ta' Marzu u l-ħadd li għadda. Huwa seraq diversi affarjiet inkluż par żarbun, kalzetti u basket. Apparti minn hekk huwa allegatament għamel dawn ir-reati meta kellu ordni ta' probation kif u għaldaqstant qed jiġi akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ġew imposti fuqu minħabba każ ieħor ta' serq. 

Intant l-avukat li qiegħed jirrappreżenta lill-akkużat għamel it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi li s-soċjetà fallietu u li ried jiġbed l-attenzjoni lejh. Sostna li l-valur tal-oġġetti misruqa lanqas jaqbżu t-€30 u li ikkommetta dawn is-serqiet għax huwa "żvinturat u ma jistax isib xogħol" u li għandu bżonn l-għajnuna. 

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kontra din it-talba u l-Ispettur f'dan il-każ qal li Grech mhuwiex affidabbli u li għandu kondotta ikkulurita. Madankollu l-avukat tad-difiża saħaq li l-akkużat diġà ħallas tal-iżbalji li għamel fil-passat meta għamlet 25 sena l-ħabs. 

Minkejja dan il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien minħabba l-fatt li hemm numru ta' xhieda li għadhom iridu ma xehdux. Għaldaqstant irrekomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin biex jipprovdi l-akkużat l-assistenza u t-trattamenti li għandu bżonn. 

More in Qrati u Pulizija