Għamel ta' bir-ruħu li miet biex jattakka lill-Pulizija fiċ-ċella

Fil-bidu ta' dan ix-xahar dan ir-raġel instab li kien qed jgħix Malta illegalment 

Raġel mill-Gambja, ngħata xokkijiet permezz ta' taser fiċ-ċella hekk kif għamel ta' bir-ruħu li kien mejjet bil-għan li jattakka lill-Pulizija fiċ-ċella, fil-lock-up. Fil-fatt kien fil-5 ta' Novembru, waqt ronda fil-lock-up, il-Pulizija innotat li l-akkużat kien qiegħed mal-art u kien jidher li tilef sensih.

Minkejja dan, il-mument li l-Pulizija daħlu fiċ-ċella l-akużat qam fuq saqajh u attakahom. Fil-fatt kien għalhekk li kellhom jagħmlu użu minn taser biex ikunu jistgħu jikkontrollawh. Sussegwentament huwa ttieħed l-Isptar Monte Karmeli għall-osservazzjoni. 

Ir-raġel ta' 28 sena ttieħed fil-lock-up fil-bidu ta' dan ix-xahar hekk kif l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni sabu li kien qiegħed jgħix Malta illegalment. 

Intant mar-rilaxx tiegħu mill-Isptar, huwa ġie arrestat mill-ġdid u tressaq il-Qorti fuq l-akkużi li naqas milli jobdi ordnijiet tal-Pulizija, li nsulenta u hedded lill-Pulizija, li kien vjolenti u rreżistihom u li kkawżalhom feriti ħfif. 

Minkejja t-talba li l-avukat tiegħu talab għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti irrifjuta. 

More in Qrati u Pulizija