Jisirqu 900 sett tal-arja kkundizzjonata; Tmint irġiel arrestati

Dawn insterqu minn maħżen ta’ kumpanija privata li tinsab fiż-Żona Industrijali f’Tal-Ħandaq

Il-Pulizija mid-Distrett ta' Ħaż-Żebbuġ solvew serqa kbira ta' settijiet tal-arja kkundizzjonata ġodda minn maħżen ta’ kumpanija privata li tinsab fiż-Żona Industrijali f’Tal-Ħandaq, fil-limiti ta’ Ħal Qormi.

Mill-investigazzjonijiet irriżulta li s-settijiet allegatament insterqu fuq medda ta’ disa’ xhur u b’rabta mal-każ, tmien persuni qegħdin jgħinu lill-Pulizija.

Ftit wara li sar ir-rapport kien sar magħruf li nsterqu mad-900 sett, li l-valur tagħhom jammonta għal madwar €300,000.

L-investigazzjonijiet wasslu biex fl-aħħar jiem ġew identifikati tmint irġiel, li għandhom bejn il-35 sena u d-59 sena, suspettati li huma involuti f’dan il-każ.

Minn tfittxijiet li saru f’diversi residenzi, garaxxijiet u mħażen oħra, ġew irkuprati mat-800 sett misruq u rritornati lill- kumpanija.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija