Żagħżugħ immigrant ta' 16-il sena li gidem uffiċjal tad-detenzjoni meta kien qed jipprova jaħrab miċ-ċentru f'Ħal Safi inżamm taħt arrest wara li ammetta l-akkużi miġjubin kontrih.
Il-Maġistrat Audrey Demicoli semgħet kif nhar il-Erbgħa wara nofsinhar l-akkużat tela' max-xatba biex jipprova jaħrab. Meta l-uffiċjali ppruvaw iwaqqfuh sar aggressiv.
L-avukat tal-akkużat Stephen Tonna Lowell, qal illi l-akkużat għandu bżonn l-għajnuna għaliex għadda minn ħafna u għandu karattru diffiċli. "Vera prova jaħrab imma ma wettaqx att terroristiku," qal.
Il-Qorti ddeċidiet li l-akkużat jibqa' taħt arrest fil-Young Offenders Unit tal-ħabs sakemm tinqata' s-sentenza. Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.