Il-Koħħu b'talba urġenti biex ma jgħaddix ġuri mix-xahar id-dieħel

Vince Muscat qed jisħaq li l-akkużi fil-każ ta' Caruana Galizia jistgħu jippreġudikaw is-smigħ ta' ġuri f'każ separat

Vince Muscat, wieħed mit-tlett irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fetaħ proċeduri Kostituzzjonali “urġenti” bil-għan li f’Ġunju li ġej ma jibdix il-ġuri kontrih dwar serqa mill-bank HSBC li fiha kien involut, lura fl-2010.

L-Avukat Arthur Azzopardi, f’isem Muscat, magħruf bħala “il-Koħħu,” qed jisħaq li l-akkużi li qed jiffaċċja fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia jistgħu jippreġudikaw is-smigħ tal-ġuri f’każ separat  u li kellu jibda fit-18 ta’ Ġunju li ġej.

Għaldaqsant, Azzopardi ppreżenta talba “urġenti” quddiem l-Ewwel Awla tal-Qorti Ċivili, fl-irwol Kostituzzjonali tagħha, bil-għan li jittawwal iż-żmien biex jibda l-ġuri.

Il-każ instema’ dalgħodu quddiem il-Maġistrat Jacqueline Padovani Grima.

Minħabba li ma tantx hemm żmien, anke għax il-partijiet jistgħu jappellaw, il-Maġistrat iddeċidiet li l-evidenza kollha tkun ippreżentata f’ġurnata waħda, jiġifieri fil-11 ta’ Mejju u l-Avukat Ġenerali fil-ġimgħa ta’ wara, qabel ma tieħu d-deċiżjoni.

More in Qrati u Pulizija