Priġunier li qed imut jittieħed il-Qorti għalxejn

L-avukat tal-vittma qal li l-aħħar tama biex il-priġunier isalva huma l-President jew il-Ministru għall-Ġustizzja

Priġunier, li ilu xhur jistenna l-Qorti tiddeċiedi jekk għandux jitħalla joħroġ mill-ħabs biex jirċievi kura intensiva minħabba kundizzjoni fil-kliewi, ittieħed l-awla għalxejn wara li s-smigħ kellu jiġi pospost.

Christopher Bartolo, li qed jiskonta sentenza ta’ ħames snin ħabs wara li kien ammetta li ttraffika d-droga, ittieħed il-Qorti iżda llum kellhom jiġu posposti l-każijiet kollha quddiem il-Qorti tal-Appell għax wieħed mill-Imħallfin jinsab indispost.

L-avukat tal-vittma, Franco Debono, qal li l-aħħar tama biex il-priġunier isalva, huma l-President jew il-Ministru għall-Ġustizzja.

Ir-raġel, li għandu 36 sena, ingħata s-sentenza f’April li għadda. Huwa kien wieġeb ħati li ttraffika 1.5 kilogramma kannabis.

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Muscat fetħu proċeduri Kostituzzjonali jisħqu li l-akkużat inkisirlu d-dritt fundamentali tiegħu, li jkollu smigħ xieraq, wara li ma tħalliex ikollu avukat waqt l-interrogazzjoni mill-Pulizija.

L-Imħallef Jacqueline Padovani Grima kienet qabblet mal-avukati u tatu ċ-ċans li jerġa’ jwieġeb jekk kienx ħati jew le.

Minkejja dan, l-Avukat Ġenerali kien appella minn din id-deċiżjoni u l-każ għadu qed jinstema’ quddiem il-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri.

S’issa, il-President tar-Repubblika għadha ma weġbitx għal ittra li kienu bagħtulha l-avukati ta’ akkużat, jitolbuha tagħtih il-ħelsien mill-arrest, skont dak stabbilit fil-Kodiċi Kriminali.

Jidher li l-President qed tistenna parir mingħand il-Ministru għall-Ġustizzja u ma tista’ tagħmel xejn qabel.

Tabib li kien tqabbad mid-difiża kien sab li s-saħħa tal-priġunier marret għall-agħar kemm ilu fil-ħabs.

Kopja ta’ dan ir-riżultat intbagħtet ukoll lill-President Coleiro Preca. 

More in Qrati u Pulizija