L-attivist Omar Rababah se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq il-kandidatura tal-Partit Laburista.
F'post fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook, Rababah qal li l-Prim Ministru Robert Abela talbu jikkontesta l-elezzjoni, u wara li ddiskuta dan mal-familja tiegħu, iddeċieda li jaċċetta.
"Nixtieq inkun il-politiku li dejjem stennejt mill-politiċi. Mhux se nwiegħed il-perfezzjoni għax żgur m'iniex perfett. Nwiegħed l-awtentiċità u l-lealtà lejn dak li nemmen fih."
Huwa qal lil MaltaToday li jemmen li verament li wieħed għandu jgħin lil dawk fil-bżonn u li jkun ġust ma' dawk li qegħdin isofru. "Nemmen fil-ġlieda kontra l-faqar u n-nies bla dar, il-ġlieda kontra s-solitudni, u d-djalogu bejn kulħadd," qal, u żied jgħid li ma jixtieqx ikun diviżiv jew partiġġjan.
Bħala ħaddiem soċjali li qatta' ħafna snin jikkampanja favur id-drittijiet tal-bniedem u kawżi soċjali ġusti, Rababah huwa tal-fehma li l-isfond soċjali tiegħu se jgħinu sabiex ifassal politika differenti bbażata fuq il-kuntatt dirett man-nies.
Rababah qal li jekk il-kandidatura tiegħu tiġi approvata mill-Partit Laburista, il-kampanja tiegħu se tkun waħda sempliċi fejn wieħed jista' jsir jaf lilu waqt li jiffamiljarizza ruħu mal-elettorat.
Huwa appella għal dawk li jgħinu fil-kampanja tiegħu, u żied jgħid li se jissottometti n-nomina tiegħu lill-partit nhar is-Sibt.