Borg iwiegħed investiment kbir fis-saħħa u tax cuts

Alex Borg jitkellem fuq sensiela ta’ miżuri li jinkludu investiment f’sptarijiet, benefiċċji għall-ħaddiema u viżjoni għal transport modern, filwaqt li jappella għal bidla fid-direzzjoni tal-pajjiż

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, wiegħed li s-settur tas-saħħa jkun il-prijorità ewlenija ta’ amministrazzjoni mmexxija minnu, waqt attività politika li saret f’Ħal Lija.

F’diskors indirizzat lill-mijiet ta’ partitarji li nġabru tul it-triq,  Borg qal li l-esperjenza personali tal-familja tiegħu waqt il-marda ta’ missieru wasslitu biex jifhem aħjar l-importanza tas-servizzi tas-saħħa. “Irrid nassigura li kulħadd ikollu aċċess għall-kura li jeħtieġ,” sostna.

Il-Kap Nazzjonalista kkritika lill-gvern immexxi minn Robert Abela, fejn allega li s-settur tas-saħħa ġie “abbandunat”, b’listi twal ta’ stennija u pressjoni fuq il-faċilitajiet mediċi. Huwa rrefera wkoll għal kuntratt li skontu ġew imħallsa €400 miljun lil barranin, u faħħar lill-eks kap Adrian Delia għall-intervent tiegħu fuq dan il-każ.

Proposti għas-saħħa u inċentivi

Fost il-miżuri proposti, Borg semma pjan għal riforma estensiva tas-sistema tas-saħħa, inkluż: titjib tal-Mater Dei Hospital, bini ta’ tliet sptarijiet ġodda u żvilupp ta’ Health Park nazzjonali

Huwa ħabbar ukoll stipendju ta’ €1,000 fix-xahar għal studenti fil-qasam mediku u skema ta’ ħames snin mingħajr taxxa fuq id-dħul biex tinkoraġġixxi professjonisti Maltin barra biex jirritornaw lejn pajjiżhom.

Fokus fuq il-kwalità tal-ħajja

Borg sostna li l-politika ekonomika tal-gvern wasslet biex il-ħaddiema jkunu taħt pressjoni kbira. Huwa wiegħed li gvern Nazzjonalista jiffoka fuq bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

F’dan il-kuntest, irrefera għal proposta li tneħħi t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 minn xogħol overtime u part-time. “In-nies għandhom jaħdmu biex jgħixu, mhux jgħixu biex jaħdmu,” qal, filwaqt li semma li 57% tal-ħaddiema f’Malta jesperjenzaw stress.

Traffiku u trasport

Il-Kap tal-PN indirizza wkoll il-problema tat-traffiku, li qal qed taffettwa direttament il-benesseri tan-nies. Huwa wiegħed li, fi żmien l-ewwel 100 jum ta’ tmexxija tiegħu, jibda l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ trasport tal-massa, bl-ewwel linja tkun operattiva sal-aħħar tal-leġiżlatura.

Fl-istess waqt, ikkritika lill-Ministru Chris Bonett u lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana dwar nuqqas ta’ koordinazzjoni fuq il-pjanijiet tat-trasport.

Referenza storika u messaġġ politiku

Fl-introduzzjoni tiegħu, Borg fakkar ukoll fil-22 anniversarju tal-adeżjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, u sellem il-viżjoni tal-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami.

“il-pajjiż qed isejjaħlek, u aħna nwieġbu hawn jien, hawn jien, hawn jien” temm jgħid Borg, waqt li rrepeta frażi simbolika ta’ Fenech Adami.

Interventi oħra

Id-Deputat Kap Alex Perici Calascione indirizza wkoll lill-folla, fejn ta ġieħ lil Jean Paul Sofia u kkritika lill-gvern fuq diversi setturi, inklużi s-saħħa, it-traffiku u l-ippjanar.

Huwa qal li Malta għandha l-potenzjal li tikseb eċċellenza, iżda dan jista’ jseħħ biss b’tmexxija b’viżjoni ċara.

More in Politika