Alex Borg iwiegħed screenings tas-saħħa fiżika u mentali bla ħlas

Il-Partit Nazzjonalista wiegħed ukoll li jibdel il-Palazz ta’ Selmun f’park nazzjonali tas-saħħa, u l-Forti Campbell f’park tal-benesseri

Ritratt: Il-Partit Nazzjonalista.
Ritratt: Il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi screening tas-saħħa fiżika u mentali b'xejn għall-ħaddiema kollha.

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar din il-proposta f'Jum il-Ħaddiema f'konferenza stampa quddiem il-Palazz ta' Selmun, li kien ġie elenkat bħala sit potenzjali li jista' jiġi ttrasformat bħala park nazzjonali.

Borg, akkumpanjat mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Norma Camilleri u Ray Gatt, qal li l-partit tiegħu jemmen fil-potenzjal tas-sit. Fil-fatt spjega wkoll il-pjanijiet għas-sit tal-Forti Campbell, fejn stqarr li jrid jittrasforma s-sit f'park nazzjonali tas-saħħa.

Il-partit stqarr li l-Palazz ta' Selmun; li għal xi snin kien ġie kkonvertit f'lukanda mill-eks linja nazzjonali tal-ajru Air Malta; jista' jintuża sabiex jakkomoda 60 sodda maħsuba għal pazjenti li jeħtieġu riabilitazzjoni. Minbarra li dan ikun għall-użu ta' pazjenti li jkunu fiċ-ċentru, il-pubbliku jkun jista' wkoll japplika għal sħubijasa sabiex juża l-faċilitajiet.

Il-proposti l-ġodda jsegwu numru ta' wegħdiet oħra li saru aktar kmieni din il-ġimgħa, hekk kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed juża l-ewwel ġimgħa tal-kampanja sabiex jitkellem dwar proposti relatati mas-saħħa.

Fost wegħdiet oħra, il-Partit Nazzjonalista wiegħed li jgħolli l-istipendji kollha b'25%, filwaqt li ppropona wkoll li l-istudenti tal-kura tas-saħħa jibdew jirċievu stipendju ta' €1,000 fix-xahar.

Borg wiegħed inċentivi fiskali sabiex jinkoraġġixxi lill-ħaddiema Maltin tal-kura tas-saħħa barra minn pajjiżhom sabiex jirritornaw lura, inkluż eżenzjoni mit-taxxa għal ħames snin.

Huwa rrefera għall-pjanijiet għal erba’ sptarijiet ġodda mifruxa mal-pajjiż, park nazzjonali tas-saħħa, estensjoni tal-Isptar Mater Dei u r-riġenerazzjoni taċ-ċentru tas-saħħa ta' Raħal Ġdid. Huwa semma wkoll għotja ta’ €300 għal żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-25 sena sabiex jixtru smartwatch bl-għan li jibqgħu fiżikament attivi.

More in Politika