Carm Mifsud Bonnici mhuwiex se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss

Il-membru parlamentari tal-Partit Nazzjonalista huwa parti minn numru dejjem jikber ta’ membri parlamentari li mhumiex se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss

Ritratt: James Bianchi/MaltaToday.
Ritratt: James Bianchi/MaltaToday.

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Carm Mifsud Boninci mhuwiex se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-2026.

F'filmat fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook, huwa rringrazzja lill-votanti kollha li fdawh matul is-snin.

Huwa serva bħala Membru Parlamentari għal 28 sena bħala backbencher fuq in-naħa tal-gvern, Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja u l-Intern, Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u membru tal-grupp parlamentari fuq in-naħa tal-oppożizzjoni.

Mifsud Bonnici qal li wasal iż-żmien li oħrajn jimlew postu u jibnu fuq ix-xogħol preċedenti li wettaq. Huwa jibqa' mfaħħar minn bosta fuq iż-żewġ naħat tal-ispettru politiku bħala ''politiku onest u rett'' u li ''dejjem wera rispett lill-aversarji politiċi tiegħu waqt dibattiti parlamentari.''

Huwa parti minn grupp dejjem jikber ta' Membri Parlamentari li mhux se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali tal-2026.

Fosthom hemm David Agius, Claudette Buttigieg, Ryan Callus, Ivan J Bartolo, Robert Cutajar, Chris Said, u Karol Aquilina min-naħa tal-Partit Nazzjonalista.

Sadanittant, il-Membri Parlamentari tal-Partit Laburista, Aaron Farrugia, Michael Farrugia, Stefan Zrinzo Azzopardi, Chris Agius, Clayton Bartolo, u Roderick Galdes mhumiex se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali.

More in Politika