Momentum ippropona li jgħolli l-paga minima ta’ Malta b’aktar minn 60%, u spjega li l-paga minima attwali ta’ €221.78 fil-ġimgħa mhijiex biżżejjed biex persuna tgħix b’mod deċenti.
Mark Camilleri Gambin, il-kandidat ta’ Momentum fit-3 u l-11-il distrett irrimarka li 95,000 persuna f’Malta għadhom f’riskju ta’ faqar.
“Dan huwa r-riżultat ta’ deċiżjonijiet meħuda, u mhux meħuda, mill-istess żewġ partiti li se joqogħdu fuq palk nhar il-Ġimgħa u jgħidu lill-ħaddiema li huma importanti,” qal Camilleri Gambin.
B’referenza għal riċerka minn Caritas, li stmat li paga deċenti għall-għajxien hija ta’ €368 fil-ġimgħa, Momentum wiegħed li jiżgura li l-ebda ħaddiem full-time ma jiġi mġiegħel fil-faqar billi jżid immedjatament il-paga minima għal €360 fil-ġimgħa.
Fi stqarrija maħruġa nhar il-Ġimgħa, Momentum ikkritika l-mudell ekonomiku ta’ Malta talli xeħet il-bilanċ wisq favur l-iżviluppaturi, u ħalla ħafna ħaddiema lura.
Momentum qalu li jimmiraw li jirrestawraw il-bilanċ fil-parlament billi jħaddnu politiki li jiggarantixxu li l-prosperità tinqasam bejn dawk "li jibnu l-ekonomija, mhux biss dawk li jibnu l-iskyline".
Żiedu jgħidu li d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER) għadu mingħajr riżorsi suffiċjenti u mingħajr is-snien meħtieġa biex iżomm lil min iħaddem responsabbli.
"Id-drittijiet tal-ħaddiema ma jfissru xejn jekk ħadd ma jinfurzahom," sostnew. "Momentum se jaħdem biex ibiddel dan."
Il-partit wiegħed ukoll li jintroduċi arranġamenti ta' xogħol aktar flessibbli, li jippermettu dispożizzjonijiet aktar b'saħħithom dwar il-leave tal-ġenituri u politiki fuq il-post tax-xogħol li jagħmlu possibbli li tinbena karriera u trabbi familja fl-istess ħin, filwaqt li insistew li l-ebda ħaddiem m'għandu jissagrifika l-ħajja tal-familja tiegħu biex iżomm xogħol.
Il-partit spjega li madwar Malta, il-ħaddiema tal-kura, il-gwardjani tas-sigurtà, u s-segretarji impjegati permezz ta' aġenziji jaqilgħu inqas mill-impjegati tal-istat li jagħmlu l-istess xogħol.
Għaldaqstant, Momentum afferma li jrid li jtemm id-diskriminazzjonu li qiegħda twassal sabiex ħaddiema kuntrattwali fis-servizz pubbliku, bħal carers, gwardjani tas-sigurtà, u segretarji, jitħallsu inqas mill-kontropartijiet tagħhom li huma impjegati direttament mal-gvern.
"Din is-sistema b'żewġ livelli hija inġusta, u f'konformità mad-direttivi tal-Unjoni Ewropea, Momentum se jaġixxi biex itemmha," qal Camilleri Gambin. "L-istess xogħol irid ifisser l-istess paga, irrispettivament minn min jiffirma l-kuntratt."
“Il-ħaddiema semgħu l-wegħdiet,” qal Camilleri Gambin. “Dak li ma rawx hija azzjoni reali.”
Camilleri Gambin żied jgħid li f’din l-elezzjoni, in-nies għandhom għażla reali li jew jivvutaw għall-partiti li kellhom għexieren ta’ snin sabiex jirranġaw kwistjonijiet bħal dawn u ma kellhomx, jew jivvutaw għal partit li jeżisti għax dawk il-problemi qatt ma ġew solvuti.
Huwa qal fit-30 ta’ Mejju, li n-nies għandhom iċ-ċans li jivvutaw għal “bidla reali”.