David Agius mhux se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss

Wara 25 sena fil-politika, l-eks Viċi Kap tal-PN David Agius se jirtira, fost lista ta’ deputati miż-żewġ naħat li mhux se jerġgħu jikkontestaw fl-2026

L-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius mhux se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss, u b’hekk se jtemm karriera politika li damet 25 sena.

Agius, li kien ukoll preżentatur fuq Net TV qabel ma daħal fil-politika, beda l-karriera tiegħu bħala kunsillier fuq il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard fl-2001. Sentejn wara, fl-2003, ġie elett fil-Parlament għall-ewwel darba.

Matul il-karriera tiegħu, huwa serva bħala whip tal-Gvern fl-aħħar leġiżlatura taħt Lawrence Gonzi, u wara l-2013 kien whip tal-Oppożizzjoni. Aktar tard, inħatar Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari. Fl-2024, huwa kkontesta wkoll l-elezzjoni tal-MEP.

Agius huwa fost grupp ta’ deputati li mhux se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali tal-2026. Min-naħa tal-PN, dawn jinkludu lil Claudette Buttigieg, Ryan Callus, Ivan J Bartolo, Robert Cutajar, Chris Said u Karol Aquilina.

Sadanittant, min-naħa tal-Partit Laburista, ukoll hemm diversi deputati li mhux se jikkontestaw, fosthom Aaron Farrugia, Michael Farrugia, Stefan Zrinzo Azzopardi, Chris Agius, Clayton Bartolo u Roderick Galdes, għalkemm jidher li Galdes qed jipprova jibdel din id-deċiżjoni.

More in Politika