Fit-tieni jum tal-kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista kompla jħabbar sett ieħor ta’ proposti, din id-darba mingħajr preżenza tal-midja. Skont Net News, il-Kap tal-PN Alex Borg ippreżenta dawn il-miżuri waqt żjara fil-kumpanija Maritime MT, li toffri taħriġ lill-ħaddiema fis-settur marittimu.
Matul iż-żjara, Borg qal li gvern Nazzjonalista jassigura li studenti fl-edukazzjoni sekondarja jkollhom aċċess għal korsijiet relatati mal-qasam marittimu. Huwa wiegħed ukoll li studenti ta’ Maritime MT jingħataw stipendju adegwat.
Barra minn hekk, Borg ħabbar pjan biex Maritime MT tikkollabora mal-MCAST sabiex iż-żewġ istituzzjonijiet jaqsmu r-riżorsi tagħhom.
Fost il-proposti l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni wiegħed li Transport Malta tinqasam fi tliet awtoritajiet separati li jiffokaw fuq it-trasport bl-art, bil-baħar u bl-ajru. Huwa tenna wkoll l-intenzjoni li jissaħħaħ is-settur marittimu permezz tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali, LNG, fuels ekoloġiċi u sistemi ta’ shipping diġitali.
Dan huwa t-tieni sett ta’ proposti li ħabbar il-PN waqt il-kampanja. L-ewwel pakkett kien ġie ppreżentat waqt mass meeting nhar it-Tlieta filgħaxija. S’issa, il-midja ma ngħatatx opportunità oħra biex tistaqsi mistoqsijiet lill-Kap tal-PN dwar dawn il-proposti, u jidher li lanqas matul il-ġurnata tal-Erbgħa ma kien hemm aċċess għal kummenti addizzjonali.