L-eks-ministru Laburista Roderick Galdes it-Tlieta ppubblika filmat li fih jidher qed jindirizza lis-sostenituri waqt coffee morning, minkejja li l-partit ma ħalliehx jikkontesta l-elezzjoni miegħu.
Galdes ippubblika l-filmat fi tmiem l-ewwel jum sħiħ tal-kampanja elettorali. Il-ġurnata ta’ qabel, l-eżekuttiv tal-Partit Laburista (PL) ivvota kontra t-talba ta’ Galdes biex jerġa’ jikkontesta. Galdes waħħal f’manuvri fi ħdan il-partit għal din id-daqqa ta’ ħarta. Galdes qed jargumenta li persuna li vvutat kontrih waqt laqgħa tal-eżekuttiv tal-PL ma kellhiex id-dritt tivvota.
Sadanittant jidher li l-Prim Ministru Robert Abela ma’ qabilx mad-deċiżjoni tal-maġġoranza tal-eżekuttiv u t-Tlieta filgħodu qal lill-ġurnalisti li Galdes għad għandu ħafna x’joffri lill-PL u lil Malta. Galdes irrefera għall-kumment ta’ Abela waqt il-coffee morning.
“Ftit minuti ilu kont f’kuntatt mal-Prim Ministru u diġà qal pubblikament li għad għandi ħafna x’nagħti lill-partit u lill-pajjiż.” L-eks ministru deher emozzjonat meta rringrazzja lil dawk kollha li vvutawlu matul il-karriera tiegħu, “b’aktar voti f’kull elezzjoni.”
Roderick Galdes irriżenja mill-kariga tiegħu bħala ministru tad-djar f’Jannar li għadda, iżda huwa magħruf li kien qiegħed jikkampanja qatiegħ matul l-aħħar xhur bl-iskop li jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali.
Galdes irriżenja wara diversi rivelazzjonijiet marbuta mal-portafoll estensiv tiegħu ta’ proprjetà. F’każ wieħed, Galdes xtara penthouse f’Għawdex bi prezz favorevoli ħafna mingħand l-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli. Il-kumpanija ta’ Portelli kienet ibbenefikat minn skema tal-Awtorità tad-Djar. Galdes kien ukoll fil-mira tal-eks-MEP Laburista Marlene Mizzi, li akkużatu li kien qed jitħallat wisq ma’ ċertu kuntratturi. Mizzi kienet iċ-chairperson ta’ Malita Investments, il-kumpanija proprjetà tal-gvern inkarigat illi social housing. Galdes ċaħad kull allegazzjoni.
Video is unavailable at this time.