Father Christmas suppost, Christmas Father naqra cringe. Imma tafu xi rridu ngħidu. Wegħdi, wegħdi u wegħdi, qisha l-politika qiegħda hemm biex tissodisfa l-egoiżmu tan-nies. Spiss nitkellmu fuq il-bżonn ta’ diskussjoni fil-fond dwar l-ekonomija, dwar it-traffiku u dwar elf ħaġa oħra. Iżda, f’kampanja elettorali donnu li m’hemm diskussjoni ta’ xejn. Pjuttost kulħadd ifajjar. Il-PL u l-PN diġà qed ifajjru.
Donnu ħadd m’hu se jħallas taxxi aktar. Min jiflaħ se ‘jiflaħ aktar’. Min jaqla’ kemm jgħix diġà ma jħallasx wisq. U bonus ‘l hemm u bonus ‘hawn. Mhux aħjar niżguraw li l-pagi jkunu diċenti. Li jkollok għajxien diċenti minflok li l-gvern jissussidja l-ekonomija tal-pagi baxxi? Ovvjament imbagħad hemm min qed jimpala l-Ewro bl-addoċċ.
Il-meetings tal-PL u l-PN
Meta tibbaża kampanja fuq il-meetings bilfors trid tfajjar il-wegħdi, inkella ma jċapċpux. Fir-ritratti l-folol jidhru sbieħ. Imma dawn il-folol, speċjalment tal-meetings iż-żgħar jekk tħares sew, l-istess nies, ħafna drabi ta’ ċerta età, li jsegwu lill-partit il-ħin kollu, jiġri x’jiġri.
Innutajtu l-€5,000 bonus għal kull wild? Mhux qed ngħidu li ma tgħinx. Imma kemm ikollok tfal hija kulturali. In-nisa għandhom prijoritajiet differenti. Min jagħżel li ma jkollu xejn, min wieħed, u min iżjed. Lanqas hija kwestjoni ta’ flus. Jew tal-anqas mhux ta’ flus biss. Il-gvern jindaħallek kemm ikollok tfal jonqosna!