Momentum iniedi l-kampanja elettorali taħt is-slogan bidla ta’ vera

Il-partit jgħid li l-programm tiegħu jiffoka fuq l-għoli tal-ħajja, l-iżvilupp żejjed u r-riforma demokratika, filwaqt li Arnold Cassola jinsisti li Malta teħtieġ bidla fid-direzzjoni u mhux biss fit-ton

Il-partit Momentum nieda uffiċjalment il-kampanja tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss taħt is-slogan “Bidla Ta’ Vera”.

F’stqarrija maħruġa t-Tlieta, il-partit qal li l-programm tiegħu huwa mibni fuq kwistjonijiet li jolqtu direttament lill-familji Maltin, fosthom l-iżvilupp żejjed li, skontu, ħalla impatt negattiv fuq il-komunitajiet, iż-żieda kontinwa fl-għoli tal-ħajja, u kultura politika fejn l-aċċess għandu aktar piż mill-kontabbiltà.

Momentum sostna li matul din il-kampanja elettorali, il-votanti se jisimgħu diversi slogans u wegħdiet, iżda enfasizza li dawn il-messaġġi ilhom jinstemgħu. Il-partit qal li “Malta diġà semgħethom qabel”.

Fl-istqarrija, Momentum spjega li “Bidla ta' vera” mhijiex sempliċement wegħda ta’ tibdil superfiċjali, iżda tirrifletti domanda dejjem tikber għal pajjiż aktar ġust, sabiħ u sostenibbli kemm għall-preżent kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Iċ-chairperson tal-partit, Arnold Cassola, qal li Malta teħtieġ tmexxija li tieħu azzjoni konkreta kontra l-korruzzjoni, l-iżvilupp bla kontroll u l-pressjonijiet ekonomiċi li qed jaffaċċjaw il-familji kull xahar.

“Dan huwa t-tifsira ta’ Bidla Ta’ Vera,” sostna Cassola. “Mhux biss bidla fit-ton, iżda bidla fid-direzzjoni.”

Il-partit ħabbar ukoll li se jkun qed jikkontesta fl-elezzjoni b’kandidati f’kull distrett elettorali, b’programm li jiffoka fuq riforma demokratika, sostenibbiltà ambjentali u ġustizzja ekonomika.

More in Politika