Il-Partit Laburista nieda l-ewwel pakkett ta’ proposti tiegħu, b’enfasi fuq il-familji, ix-xerrejja tal-ewwel dar u l-pensjonanti, waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ta’ Qali.
Fost il-miżuri ewlenin hemm żieda sostanzjali fil-leave tal-ġenituri. Il-partit qed jipproponi li l-leave tal-maternità jiżdied b’ġimgħat, biex jilħaq total ta’ 26 ġimgħa, filwaqt li l-leave tal-paternità jiżdied għal xahar. Barra minn hekk, qed jiġi propost li ż-żewġ ġenituri jkollhom aċċess għal sitt xhur leave parentali volontarju li jista’ jinqasam bejniethom skont il-bżonnijiet tagħhom.
Il-proposti jinkludu wkoll miżura addizzjonali għal ġenituri ta’ tfal bejn sena u sentejn, li permezz tagħha jkunu intitolati għal 28 jum leave ieħor li jista’ jinqasam bejn iż-żewġ naħat. F’każ li l-ġenituri jagħżlu li ma jużawx il-leave parentali ta’ sitt xhur, dawn il-jiem jistgħu jintużaw bħala alternattiva.
Dawn il-benefiċċji se japplikaw għal koppji b’dħul sa €70,000 fis-sena.
Fuq il-qasam tad-djar, il-Partit Laburista qed jipproponi wkoll għajnuna ġdida għal first-time buyers, fosthom self bla imgħax biex jiffaċilita x-xiri tal-ewwel proprjetà. Din il-miżura hija mmirata biex tnaqqas il-piż finanzjarju inizjali fuq iż-żgħażagħ u familji li qed jidħlu fis-suq tal-proprjetà.
Il-proposti jiffurmaw parti minn sett usa’ ta’ inizjattivi li jiffukaw fuq il-kwalità tal-ħajja tal-familji u l-aċċess għall-proprjetà, fil-kuntest ta’ politika soċjali li tkompli tissaħħaħ.