Elezzjoni bikrija? Se tissejjaħ issa? Jew baqgħalna x’nistennew?
Din hija l-mistoqsija fuq fomm kulħadd, iżda l-Prim Ministru Robert Abela mhu qed jagħti ħjiel ta’ xejn.
Minn perspettiva politika, ikun ta’ vantaġġ politiku jekk tissejjaħ elezzjoni issa. L-ikbar raġuni hija l-ekonomija iżda mhux biss. Għalkemm kważi kollox fil-kontroll tal-gvern, il-gwerra tal-Iran, żgur li mhijiex, u wisq iktar l-impatt inevitabbli tagħha.
Il-problema hija sempliċi: Malta hija gżira żgħira li tiddependi kważi għalkollox mis-suq ta’ barra. Dan is-suq huwa intrinsikament dipendenti fuq l-enerġija. U ma tridx tkun xi ġenju biex tifhem li kriżi f’reġjun tant rikk fiż-żejt għall-prodotti tal-konsumatur se jkollu effett fuq l-inflazzjoni. U din taffetwa kollox mill-ikel sal-biljett tal-ajru, apparat domestiku u mediċini.
Il-loġika tgħid li qabel mas-sitwazzjoni tmur għall-agħar u l-prezzijiet jibdew jogħlew, Abela għandu jaġixxi malajr. U l-Prim Ministru jrid iqis ukoll fatturi oħrajn.
Alex Borg, il-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista diġà wera li, għall-kuntrarju ta’ li għamlu l-kapijiet ta’ qablu, irnexxielu jerġa’ jgħaqqad in-Nazzjonalisti u jattira votanti iżgħar fl-età.
Abela jrid jiżen ukoll l-impatt tad-dnubiet politiċi li jsegwu kull gvern fil-kariga. Abela għandu jistaqsi, wara l-iskandli u r-riżenji li affaċċa l-gvern fl-aħħar erba’ snin, x’se jinqala’ jew jinkixef iżjed?
Ma nistgħux ninsew ukoll il-ġuri ta’ Yorgen Fenech u r-riperkussjonijiet tad-dikjarazzjonijiet u x-xhieda relatati mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan jista’ jerġa’ jiftaħ il-feriti tal-passat riċenti, b’lenti mill-ġdid fuq x’kien qed isir ġewwa Kastilja qabel ir-riżenja tal-Prim Ministru Laburista Joseph Muscat. U għalkemm Robert Abela jista’ jiddistanza ruħu minn dawn l-iżbalji tal-passat, ma jistax jinqata’ kompletament mill-konsegwenzi ta’ dan il-każ.
Ngħiduha kif inhi, Abela għandu ħafna vantaġġi. Huwa mexxa ekonomija li ħalliet aktar nies bi flus fl-idejn u żammet il-qawwa tax-xiri tagħhom. Mexxa lill-pajjiż fi żminijiet ta’ kriżi u żamm sens ta’ stabbiltà. Dan kollu pożittiv għalih.
Iżda Abela affaċċa wkoll każijiet bħal dak ta’ Jean Paul Sofia, ir-Riforma tal-Ippjanar u l-iskandlu tal-Vitals.
L-istħarriġ qed juri li l-votanti indipendenti, jew aħjar dawk li ma jivvutawx u li jgħidu li mhux se jivvutaw, qed jiżdiedu, għax iddiżappuntati. U dawn in-nies mhumiex ftit; illum ilaħħqu madwar 70,000.
Dawn huma n-nies li l-partiti għandhom jikkonvinċu għax ħafna minnhom għandhom valuri li jmorru lil hinn minn interessi personali jew partitarju. Numru minnhom huma żgħażagħ li forsi jħossu li m’għandhomx post fil-partiti politiċi.
Kemm Abela u kemm Borg iridu juru li għandhom viżjoni għall-pajjiż li hija differenti, friska u mġedda. U iżjed minn hekk, iridu juru li għandhom pjan ċar kif ħa jwettqu dik il-viżjoni.
Iż-żewġ mexxejja jagħrfu li hemm messaġġi fundamentali li ma jistgħux jiġu injorati: il-ħtieġa li jiġu ppreservati spazji miftuħa, il-ħtieġa li jiġi rregolat it-tkabbir tal-popolazzjoni, il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet għat-trasport tal-massa, il-ħtieġa li tiġi ddiversifikata l-ekonomija, il-ħtieġa ta’ responsabbiltà u kontabbiltà għall-azzjonijiet ta’ wieħed.
Ovvjament hemm votanti li jiġri x’jiġri, jibqgħu leali lejn il-partit tagħhom. Dawk mhumiex il-problema għal Abela jew Borg.
L-isfida ħa tkun kif ħa jikkonvinċu lil dawk l-eluf kbar ta’ votanti li qed jgħidu li mhu se jħallu lill-ebda mexxej jew partit jitmellaħ bihom. Daqshekk wegħdiet fiergħa mill-politiċi li mbagħad jagħmlu li jridu kif jitilgħu fil-gvern. Iċ-ċittadin komuni ma jistax jibqa’ biss pedina minsija f’din il-logħba politika.