Il-MPE Maltin kollha mal-lemin-estrem favur politika ħarxa ta' detenzjoni

Tfal fid-detenzjoni. Detenzjoni għal żmien indefinit. Deportazzjonijiet lejn kampijiet barra l-UE. Bl-appoġġ tal-lemin-estrem u mid-Demokristjani. Membri Parlamentari Ewropej Laburisti u Nazzjonalisti magħqudin fuq din il-kwestjoni.

Il-membri parlamentari Ewropej (MPE) Maltin kollha ngħaqdu mal-partiti tal-lemin-estrem biex jivvutaw favur ir-regolament tal-Unjoni Ewropea dwar ir-ritorn ta’ immigrati rregolari u favur id-dentenzjoni ta’ minorenni f’kampijiet ta’ detenzjoni. Gruppi parlamentari progressivi fil-maġġoranza kbira tagħhom ivvutaw kontra r-regolament għax qisuh aħrax wisq, u li jagħti setgħat esaġerati lil aġenziji tal-gvern biex jieħdu deċiżjonijiet arbitrarji. Hemm min osserva wkoll li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) qed jfarfru r-responsabilità tagħhom fuq pajjiżi terzi u ifqar billi jdendlulhom il-karrotta ta’ ħlasijiet kbar biex jagħmlulhom xogħolhom.

Fuq video online il-MPE Nazzjonalista Peter Agius iġġustifika l-vot favur tiegħu billi qal li Malta tkun tista’ tibgħat immigranti lejn pajjiżi bħall-Marokk u t-Tuneżija avolja dawn ma jkollhom l-ebda konnessjoni ma’ dawn il-pajjiżi. Hemm min jgħid li dan huwa wkoll tip ta’ traffikar tan-nies għall-flus legalizzat. Spjega dat-tfarfir ta’ responsabilità bħala ‘serħan il-moħħ għall-Maltin’. S’issa la Daniel Attard, la Thomas Bajada u lanqas Alex Agiuis Saliba, li vvutaw kontra l-pożizzjoni tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) ma spjegaw il-pożizzjoni tagħhom fuq il-media soċjali tagħhom. David Casa lanqas ma kkummenta fuq is-suġġett.

Għalkemm il-politika dwar il-migrazzjoni hija suġġett favorit tal-lemin biex jikseb l-appoġġ tal-votanti, numri kwotati mis-servizz tal-Parlament Ewropew tar-Riċerka juru li n-numru ta’ immigranti rregolari fl-UE huma pjuttost baxxi. F’analiżi ta’ diversi sorsi fosthom ta’ kemm jitwaqqfu mal-fruntieri, u kemm jiġu rifjutati rikjesti ta’ ażil, in-numri jidhru li lanqas jaqbżu l-0.5% tal-popolazzjoni kollha tal-Unjoni Ewropea.

Il-vot tal-lum għadda għax il-Partit Popolari Ewropew li miegħu jpoġġu l-MPE Nazzjonalisti, għamlu ftehim mal-forzi tal-lemin-estrem u numru mdaqqas ta’ MPE ċentristi. Ma dawn ingħaqdu l-MPE Laburisti.

B’reazzjoni għall-vot tal-Parlament Ewropew (PE) illum dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq ir-Regolament tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar ir-Ritorn, Eve Geddie, Direttur tal-Uffiċċju tal-Istituzzjonijiet Ewropej ta’ Amnesty International, qalet:“Illum il-Parlament Ewropew ivvota biex jespandi l-pjanijiet punittivi u restrittivi tal-UE dwar id-detenzjoni u d-deportazzjoni... il-vot jimmarka xejra dejjem tikber lejn politika ta’ ħsara, esklużjonista  u drakonjana fil-qasam tal-migrazzjoni, b’konsegwenzi inkwetanti għall-proċess ġust u t-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza. Minflok inaqqsu l-irregolarità, dawn il-proposti jirriskjaw li jħallu aktar nies f’sitwazzjonijiet prekarji”.

Fost il-punti l-aktar kontroversjali hemm il-possibbiltà li persuni jiġu deportati lejn pajjiżi li m’għandhom l-ebda rabta magħhom, kif ukoll il-ħolqien ta’ ċentri ta’ deportazzjoni barra l-UE. Skont bosta organizzazzjonijiet, dawn il-miżuri jistgħu jwasslu għal ksur tad-drittijiet fundamentali u jpoġġu lill-persuni f’kundizzjonijiet perikolużi u inċerti.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet ippreżentat proposta għal Regolament dwar ir-Ritorn biex tissostitwixxi d-Direttiva eżistenti f’Marzu 2025. Fit-9 ta’ Marzu 2026, il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (LIBE) adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-Regolament. Il-Partit Popolari Ewropew b’appoġġ minn gruppi oħra politiċi tal-lemin-estrem innegozja test li kiseb l-appoġġ finali tal-Kumitat LIBE. Il-vot tal-lum mill-plenarja tal-PE jiftaħ it-triq għal negozjati msejħa ‘trilogi’ bejn il-Kunsill tal-Ministri, l-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament qabel ma r-Regolament jiġi adottat formalment. Peress li l-Kunsill tal-Ministri u anke l-Kummissjoni Ewropea huma ddominati minn gvernijiet tal-Partit Popolari Ewropew li jridu jattiraw votanti tal-lemin-estrem, it-trilogi mistennija ma jdumux.

 

Sors: howtheyvote.eu
Sors: howtheyvote.eu

More in Politika