Il-PN jiżvela billboard kontra Robert Abela li tikkwota lill-Imħallef Wenzu Mintoff

Billboards tal-Partit Nazjonalista juru lill-Prim Ministru Robert Abela u kwotazzjoni tal-Imħallef Wenzu Mintoff li tgħid li Abela ipprefera l-flus mill-indipendenza tal-ġudikatura

Il-billboard tal-PN fil-Furjana
Il-billboard tal-PN fil-Furjana

Il-Partit Nazzjonalista il-Ħamis installa billboards fil-Furjana u Ħal Luqa li juru lill-Prim Ministru Robert Abela maġenb kwotazzjoni minn ittra mibgħuta lilu mill-Imħallef Lawrence Mintoff.

Il-billboards juru immaġni karikaturata ta’ Abela ħdejn il-kwotazzjoni: “Taħt ġurament nikkonferma... għal Dr. Abela aktar kienu importanti l-flus mill-indipendenza tal-ġudikatura.”

Il-kwotazzjoni hija meħuda minn ittra mibgħuta mill-Imħallef Lawrence Mintoff lill-Prim Ministru Robert Abela, lis-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol, lill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard, lill-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono u lill-Kabinett.

Fl-ittra tiegħu, l-imħallef akkuża lil Abela li kien preġudikat kontrih. Il-gazzetta ILLUM hija nfurmata li Mintoff kien ikkomunika x-xewqa tiegħu li jsir Prim Imħallef mal-Prim Ministru xi ħames xhur qabel il-laqgħa f’Kastilja.

Mintoff allega wkoll li Abela qallu li ma jistax jinnomina lil ħadd mill-erba’ persuni identifikati mill-Oppożizzjoni, għax kien jidher bħallikieku l-Prim Ministru “qed iċedi lill-Oppożizzjoni”. Il-gvern sussegwentement innomina lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li ġiet ivvutata kontra.

Iżda mbagħad Mintoff jkompli jelenka żewġ episodji li, skont hu, huma r-raġunijiet veri għaliex Abela ma jridx jappoġġja n-nomina tiegħu għal Prim Imħallef. Iż-żewġ episodji seħħew waqt li Mintoff kien qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu bħala mħallef u kien kostrett jikkonfronta lil Abela.

L-ewwel episodju jirrigwarda kawża ċivili għal danni mressqa mill-vittmi ta’ ħabta ta’ supercar waqt l-attività ta’ karità Paqpaqli għall-Istrina, li kienet qed tinstema’ quddiem Mintoff. Il-ħabta seħħet fl-2015 fuq ir-runway f’Ħal Luqa. Dak iż-żmien, Abela kien avukat li kien qed jirrappreżenta lil waħda mill-partijiet.

F’xi mument fl-2018, il-partijiet fil-kawża laħqu ftehim barra mill-qorti li kien ġie rrapurtat li kien jammonta għal miljuni, u l-proċeduri ġudizzjarji ġew irtirati. Mintoff kien iddeċieda li t-taxxa fuq l-ispejjeż għandha tiġi applikata fuq il-valur minimu.

L-imħallef isostni li wara dan, ġie infurmat minn impjegata tal-uffiċċju tiegħu li Abela kien qed jagħmel pressjoni fuqha u fuq ir-reġistratur tal-qorti dwar il-kwistjoni tat-tassazzjoni.

Mintoff isostni li meta Abela ma rnexxilux jilħaq l-għan tiegħu, beda jagħmel pressjoni fuq l-impjegata tal-imħallef u saħansitra “heded li jkeċċiha”.

Mintoff jgħid li Abela kien ukoll implika li l-imħallef kien kompliċi mal-President Marie Louise Coleiro Preca sabiex it-tassazzjoni tiġi imposta fuq il-valur minimu.

“Li mħallef ikun kompliċi ma’ waħda mill-partijiet f’kawża li qed tinstema’ quddiemu hija waħda mill-aktar akkużi serji li jistgħu jsiru. Iżda għal Dr Abela l-flus kienu aktar importanti mill-indipendenza tal-ġudikatura,” kiteb Mintoff fl-ittra tiegħu.

Persuni qrib l-Imħallef Mintoff qalu li huwa determinat li jibqa’ fil-kariga, anke waqt li qed jiffaċċja investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura.

“L-Imħallef Mintoff mhux se jirriżenja u se jiġġieled sal-aħħar,” qalu s-sorsi. “L-Imħallef Mintoff jaf li kisser kull ċans li qatt isir Prim Imħallef u prattikament poġġa l-karriera tiegħu f’riskju, iżda huwa determinat li jkompli.”

More in Politika